Xufier tal-Bolt, Christian Lawrence Desira ta’ 39 sena, kien ikkundannat 20 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lill-passiġġier u kien involut f’argument miegħu u ma’ passiġġier ieħor.
L-akkużi, li tmexxew mill-Ispettur Jonathan Cassar, kienu jirrigwardaw inċident li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 f’San Ġiljan, meta żewġ passiġġieri rrappurtaw li waqt il-vjaġġ indunaw li x-xufier kien qed itawwal it-triq u talbuh iwaqqaf il-vettura sabiex jinżlu. Skont ix-xhieda tagħhom, hekk kif niżlu nqala’ argument li eskala meta x-xufier niżel b’martell u ta daqqa lil wieħed minnhom.
L-investigazzjoni tal-Pulizija wasslet biex Desira jiġi identifikat u arrestat. Waqt tfittxija fl-inħawi, instabu martell u mannara f’landa tal-iskart, u meta dawn ittellgħu quddiem il-passiġġieri, huma kkonfermaw li l-martell kien dak li ntuża fl-argument.
Matul l-interrogazzjoni, l-akkużat qal lill-Pulizija li l-passiġġieri bdew jippanikkjaw waqt il-vjaġġ u fetħu l-bieba qabel waqaf. Żied li hekk kif niżlu, sabbtu lill-vettura u wieħed minnhom ta daqqa fuq il-bieba. Skontu, meta niżel biex jara l-ħsara, wieħed minnhom imbuttah u kien proprju minħabba f’hekk li ġab il-martell u darab lill-passiġġier.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, wara li semgħet ix-xhieda tal-pulizija u tal-passiġġieri, qieset li rriżulta b’mod ċar li l-akkużat ikkawża ġrieħi gravi lill-vittma, li fosthom kien hemm ksur fl-għadam ta’ wara ta’ widintu.
Il-Qorti eżaminat ukoll jekk l-imġiba tal-passiġġieri setgħetx tqajjem provokazzjoni u b’hekk tikkostitwixxi difiża personali, u fil-fatt qalet li kien hemm ċertu aggressività mill-passenger li tajjar il-bieba tal-vettura. Madankollu rrimarkat li l-akkużat ħalla barra dettalji importanti meta l-ewwel tkellem mal-Pulizija, fosthom l-użu tal-martell u l-mod kif ħbieh, u dan juri li ma kienx qed jaġixxi f’difiża personali.
Il-Qorti sostniet li kienet temmen li d-daqqa bil-martell ingħatat bħala reazzjoni għall-ħsara fuq il-vettura u mhux bħala att ta’ difiża. Għaldaqstant, filwaqt li sabet lil Desira ħati li kkaġuna ġrieħi gravi, ma sabitux ħati tal-akkuża li hedded lill-passiġġier l-ieħor.
Huwa ġie kkundannat 20 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, u ordnatlu jħallas l-ammont ta’ €922 fi spejjeż tal-esperti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar
//= $special ?>

