It-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Veneżwela waslet fl-aktar punt perikoluż wara li l-qawwiet Amerikani ħatfu tanker taż-żejt ‘il hinn mill-kosta Veneżolana.
L-eskalazzjoni seħħet meta, illum, qed jidher aktar ovvju li l-Istati Uniti qed tmexxi kampanja qalila biex twaqqa’ lill-Gvern tax-xellug immexxi mill-President tal-Veneżwela, Nicolás Maduro .
Intant, il-President Amerikan, Donald Trump, waqt diskors mill-White House, esprima sodisfazzjon għal din l-azzjoni waqt li l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Pam Bondi, fissret it-tanker bħala ‘bastiment li kien qed jittrasporta ż-żejt mill-Veneżwela u l-Iran li jaqa’ direttament taħt is-sanzjonijiet minn Washington’.
Il-Gvern tal-Veneżwela ma naqasx milli jikkundanna bil-qawwi l-ħtif tat-tanker ….Azzjoni li hu fissirha bħala ‘piraterija fuq livell internazzjonali’ — u meta Maduro qed jaħlef li pajjiżu qatt mhu se jċedi r-riservi kbar taż-żejt tiegħu lill-Amerikani.
Intant, il-Gvern ta’ Trump qed jakkuża lill-Veneżwela b’li qed isservi bħala hub għat-traffikar tad-droga lejn l-Istati Uniti filwaqt li qed iżżid l-isforzi biex il-President Maduro jispiċċa iżolat.
Il-Veneżwela għandha wħud mill-akbar riservi taż-żejt fid-dinja u l-Gvern f’Karakas qed jakkuża lill-Istati Uniti ‘dwar pjan biex tisirqilha dawn ir-riżorsi’.
Sar magħruf ukoll li l-Bureau Federali għall-Investigazzjoni (FBI), id-Departiment tal-Intern ( Homeland Security) u l-Gwardjani tal-Kosta Amerikani kienu koordinaw flimkien għall-ħtif ta’ dan it-tanker.
Sadanittant, il-prezz taż-żejt tela’ bi ftit mal-aħbar dwar it-tanker u bl-analisti jwissu li l-pass kapaċi jkun ta’ theddida għal-linji l-oħra tal-bastimenti filwaqt li jista’ jostakola sew l-esportazzjonijiet taż-żejt mill-Veneżwela.
//= $special ?>

