L-Erbgħa filgħaxija tnieda uffiċjalment film edukattiv bħala parti mill-kampanja ‘Aħsibha Darbtejn!’ waqt attività speċjali mtella’ f’Ta’ Qali li għaliha kienu mistiedna l-ġurnalisti kif ukoll numru ta’ personalitajiet fil-midja lokali.
Rikostruzzjoni realistika ta’ inċident tat-traffiku tat ħarsa mill-qrib lejn dak li jiġri fl-ewwel minuti wara ħabta, il-mumenti kruċjali li jsegwu l-impatt kif ukoll l-intervent immedjat ta’ uffiċjali pubbliċi u dawk tas-servizzi tal-emerġenza. Dan kollu wera mhux biss l-aspett tekniku ta’ inċident, iżda fuq kollox il-piż uman u l-konsegwenzi traġiċi li spiss iħallu warajhom każijiet bħal dawn.
Id-direttur tal-film, Jason Zerafa, qal li l-esperjenza kienet waħda li laqtitu ħafna. “Waqt li konna qed niffilmjaw indunajt li x-xeni ta’ qsim il-qalb li kienu qed jirreċtaw l-atturi huma sitwazzjonijiet reali li sfortunatament hemm nies li jgħaddu minnhom,” qal b’emozzjoni, waqt li spjega kif il-proċess ta’ filming ħalla impatt qawwi fuqu.
Il-film għandu l-għan li jwassal il-messaġġ lill-pubbliku b’mod dirett, grafiku u immersiv. Permezz ta’ storja realistika u emozzjonali, b’biċċiet grafiċi adatti biss għal adulti, dan il-filmat ser iqajjem kuxjenza dwar kif deċiżjoni waħda ħażina tista’ twassal għal konsegwenzi kbar li jħallu effett devastanti fuq il-ħajja ta’ dak li jkun jew ta’ ħaddieħor.
Fil-ġimgħat li ġejjin, dan il-film qasir ser jibda jintwera ġewwa mobile cinema apposta li se tkun qed iddur l-ibliet u l-irħula ewlenin madwar Malta u Għawdex. L-inizjattiva se tkompli għaddejja lil hinn mill-perjodu tal-festi għaliex is-sigurtà fit-toroq hija prijorità s-sena kollha.
//= $special ?>

