Immigrant mejjet, ieħor jissielet għal ħajtu u ħafna oħrajn l-Isptar Mater Dei wara li aktar minn 60 immigrant sabu ruħhom f’diffikultà l’ barra mit-territorju Malti.
NetNews kien l-ewwel f’pajjiżna li żvela l-wasla ta’ aktar minn 60 immigrant f’Buġibba. Fejn sorsi infurmati u li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, jikkonfermaw li kien immigrant wieħed li tilef ħajtu u 61 oħra li kienu salvati. L-immigranti kienu kollha rġiel.
Sorsi li tkellmu ma’ NetNews spjegaw li żewġ immigranti kienu salvati permezz ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ mill-ajru, dan filwaqt li l-59 l-oħra ddaħħlu Malta permezz ta’ patrol boat.
L-immigranti kienu 59 minn Bangladesh u tnejn kienu mill-Eġittu. B’6 minnhom jinsabu l-isptar għall-kura, u persuna tinsab qed tissielet għall-ħajjitha. Dan filwaqt li l-kumplament ittieħdu lejn iċ-Ċentri tad-Detenzjoni.
Rapporti qed jindikaw illi dawn l-immigranti telqu mil-Libya u riedu jaslu l-Italja jew inkella Lampedusa – iżda dawn għerqu ftit ‘l barra mit-territorju Malti.
Skont statistiċi riċenti fl-2025, għamlu l-wasla tagħhom 185 immigrant f’pajjiżna.
Madanakollu, għal din l-operazzjoni kienu preżenti l-Forzi Armati ta’ Malta, uffiċjali tal-Pulizija, uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati u anke vetturi miċ-Ċentri tad-Detenzjoni.



Dan l-istazzjon bgħat numru ta’ domandi lill-Forzi Armati ta’ Malta u anke lill-Ministru responsabbli Byron Camilleri. Dan sabiex ikun magħruf jekk il-Forzi Armati kienux infurmati b’dgħajsa li kienet ‘l barra mit-territorju Malti. Flimkien ma’ talba għan-numru preċiż ta’ immigranti li daħlu, minn fejn telqet din id-dgħajsa, u kienx hemm fatalitajiet, ġrieħi serji u tfal abbord.
Skont ir-risposta li ngħatat mill-Forzi Armati, kienu għall-ħabta tad-8:45 ta’ filgħodu meta dawn kienu infurmati b’dgħajsa ‘l barra mit-territorju Malti. Kien għalhekk li huma bgħatu l-uffiċjali sabiex jibdew opreazzjoni ta’ salvataġġ.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri kif ukoll il-Ministeru mmexxi minnu, ma ppubblikaw l-ebda stqarrija dwar din is-sitwazzjoni. B’Byron Camilleri ma jirrispondi l-ebda mistoqsija li ngbgħatet minn dan l-istazzjon.




