Lokali Qorti

Illiberat wara li xhud ewlieni ħarab mill-pajjiż fuq każ ta’ ġlieda fejn raġel spiċċa bix-xedaq imkisser

Kevin Borg, 45 sena minn ħ’Attard, inħeles minn kull akkuża kriminali relatata mal-attakk brutali fuq manager ta’ restorant f’San Ġiljan li seħħ f’Mejju tal-2023, wara li l-Qorti ma sabitx prova li torbtu mal-aggressjoni u qalet li l-unika xhud li ressqu kontrih kien qed jigdeb u jħawwad biex isalva ġildu. Ħareġ ukoll li dan ix-xhud ħarab minn Malta.

L-istorja bdiet meta Borg kien qed jiekol ma’ grupp ta’ nies, fosthom xi persuni Serbi, f’restorant f’Triq Spinola. Matul il-lejl inqala’ argument mal-manager, Mykhailo Yermakov, wara li wieħed mill-mistednin kien qed iġib ruħu b’mod ħażin. Kien hemm skambju ta’ ġlied bejn Borg u l-manager, iżda s-sitwazzjoni malajr ġiet ikkontrollata. Borg ħallas il-kont u telaq mir-restorant. Sa dak il-mument, l-affarijiet kienu ntemmu.

Madankollu, madwar nofs siegħa wara, Sasa Cvetkovic — wieħed mill-persuni Serbi li qabel kien mal-grupp ta’ Borg — irritorna fir-restorant flimkien ma’ żewġ Serbi oħra. Dawn stennew lil Yermakov joħroġ barra u hemmhekk attakkawh bl-idejn u bis-saqajn għal diversi minuti.

L-attakk ħalla lil Yermakov bi ksur tax-xedaq, u kellu jagħmel operazzjoni, u dam ġimgħatejn l-isptar. Aktar tard kellu wkoll infezzjoni minħabba l-plates tal-metall li tpoġġew biex jikkurawlu il-ksur. Cvetkovic ġie arrestat u mixli b’delitt ta’ ġrieħi gravi.

Imma qabel ma ġiet deċiża l-kawża tiegħu, mar ifittex lil Kevin Borg u beda jipprova jħammġu. Qallu li jekk Borg ma jħallsux €400,000, kien se jmur jgħid lill-pulizija li kien Borg stess li tah ordni bil-mobajl biex jattakka lill-manager, b’reazzjoni għall-ġlieda li kien seħħet qabel.

Borg irrifjuta li jħallas u minflok mar jagħmel rapport lill-pulizija. Imbagħad Cvetkovic biddel il-verżjoni tiegħu u għamel stqarrija lill-investigaturi jiddikjara li ħa ordni minn Borg biex jagħmel l-attakk. Ftit wara reġa’ prova jhedddu bil-flus, jgħidlu li jekk iħallsu ma jixhidx fil-Qorti. Meta Borg ma ċediex, Cvetkovic ħarab minn Malta u qatt ma deher fil-kumpilazzjoni biex jagħti x-xhieda tiegħu.

Fuq naħa oħra, il-manager Yermakov stqarr li l-attakk seħħ ħafna wara li l-imputat telaq, li Borg ma kienx preżenti, u li l-persuni li sawtuh kienu tliet irġiel oħra kollha Serbi. Anki s-sid kkonferma li Borg ma kellu x’jaqsam xejn mal-aggressjoni u li lanqas kien jaf min kienu dawk li wettquha.

L-investigazzjoni tal-pulizija żvelat li ma kien hemm ebda telefonata jew messagg lill-attakkanti li jorbot lil Borg, u lanqas ebda prova li hu kkummissjona l-vjolenza. Il-Maġistrat Anne Marie Thake osservat li l-uniku sors ta’ akkuża diretta kontra Borg kien proprju Cvetkovic, li ma deherx biex jixhed u li l-imġiba tiegħu kienet tipika ta’ min jipprova jeżerċita pressjoni u jagħmel estorsjoni.

Il-Qorti saħqet li dak li Cvetkovic kien qal lill-pulizija ma jistax jintuża kontra Borg jekk il-persuna ma tidhirx taħt ġurament u ma tissupplixxix għal kontraduzzjoni. Barra minn hekk, diversi akkużi oħra dwar kliem oxxen, skandlu u ksur tal-paċi pubblika ġew iddikjarati preskritti skont il-liġi.

B’dan kollu, il-Qorti ħelset lil Kevin Borg minn kull akkuża, inkluża dik l-iktar gravi li kien kompliċi fil-vjolenza fuq Yermakov. L-avukati Joe Giglio u Mattea Giglio dehru għall-imputat.