Futbol Sport

Ir-referee Ishmael Barbara promoss għall-Kategorija Ewlenija tal-UEFA

Kisba storika għall-MFA kif ukoll għar-referee Malti Ishmael Barbara li ġie promoss għall-Kategorija Ewlenija tal-UEFA. Suċċess għall-pajjiżna hekk kif din il-kisba tfisser ukoll ir-ritorn ta’ Malta għal dan il-livell prestiħjuż wara assenza ta’ 7 snin, u tirrifletiti bil-qawwi l-progress sostanzjali li sar fil-qasam tar-referees fl-aħħar snin.

Il-promozzjoni ta’ Barbara hija r-riżultat tad-dedikazzjoni bla waqfien tiegħu, ix-xogħol iebes u l-prestazzjonijiet konsistenti li wera kemm fil-kompetizzjonijiet lokali kif ukoll f’dawk internazzjonali. Is-suċċess tiegħu jirrifletti wkoll il-fiduċja li l-UEFA għandha fir-referees Maltin, li fl-aħħar snin imxew ma strateġija ċara biex jgħollu l-livell u jsaħħu il-preżenza ta’ Malta fil-futbol Ewropew.

Li jilħaq livell daqshekk għoli fl-età ta’ 32 sena biss juri l-futur promettenti li għandu quddiemu. Bħala uffiċjal tal-partita tal-Kategorija Ewlenija tal-UEFA, Barbara issa jkun jista’ jiġi assenjat għal firxa usa’ ta’ partiti ta’ profil għoli, fosthom logħbiet tal-fażi tal-gruppi tal-kompetizzjonijiet kollha tal-UEFA u wkoll partiti bejn timijiet nazzjonali.

Din il-marka importanti tirrappreżenta pass kbir ’il quddiem għall-iżvilupp tar-referees f’Malta u tirrifletti l-isforzi kollettivi tal-komunità kollha tar-referees li jaħdmu b’viżjoni komuni biex ikomplu jtejbu il-livell tal-ħarsien tar-regoli tal-futbol f’Malta.

Il-MFA rringrazzjat u ferħet minn qalbha lil Barbara għal dan is-suċċess notevoli.