Lokali

Opinjoni: Twissija lill-Gvern biex inaqqas l-infiq

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela jgħid li se jiżviluppa l-Palazz ta’ Selmun u Forti Campbell f’park nazzjonali, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana mistoqsi mill-membru parlamentari Nazzjonalista Graziella Galea jekk id-Dipartiment tal-kuntratti kienx involut fil-ħruġ tal-offerti għar-restawr ta’ Selmun u jekk iva f’liema stadju waslet l-offerta, wieġeb li l-Gvern jidher li kkanċella l-offerta li ħareġ. Għaliex ikkanċellaha ma qalx iżda jista’ jkun li r-raġuni hi nuqqas ta’ fondi. Ftit taż-żmien ilu kien hemm offerta oħra li ġiet irtirata. Din kienet għal dipartiment tal-emerġenza ġdid fl-Isptar Mater Dei. Ir-raġuni li ngħatat hi li l-offerta kienet ħafna iktar għolja mill-istima. Offerta oħra li waqgħet meta l-offerti kollha kienu skwalifikati kienet dik għall-impjant ‘waste-to-energy’. Proġett li ilu mwiegħed sa mill-2017 u li llum jirrikjedi investiment ta’ madwar €800 miljun. X’qed jiġri?

Joe M. Zahra

Jekk ma kienx hemm flus għar-restawr tal-Palazz ta’ Selmun, aħseb u ara kemm hemm biex l-area ta’ Selmun u Forti Campbell jinbidlu f’park nazzjonali! Iktar u iktar kemm ser jiżdiedu tliet parks nazzjonali: f’Selmun, Pembroke u Manoel Island. Iktar u iktar meta m’hemmx ewro wieħed ivvutat għalihom. Wegħdi spiss u wegħdi biss. Wegħdi ta’ qabel l-elezzjoni u wara ma jsir xejn. Issa drajnieha din it-tattika. Wiegħed l-ilma jiżfen biex takkwista l-voti u darba elett itfa’ kollox taħt it-tapit!
Il-mod kif wieġeb Clyde Caruana jagħti ħafna x’wieħed jifhem. Għaliex il-Gvern jidher li kkanċella l-offerta? Clyde Caruana ma qalilniex. Jista’ jkun li lanqas hu ma jaf minkejja li hu l-Ministru tal-Finanzi.

It-twissija tal-Kummissjoni Ewropea
Clyde Caruana jaf li mhux kollox kif ipinġu. Jaf x’qed tgħid il-Kummissjoni Ewropea li s-sena d-dieħla pajjiżna jeħtieġlu jnaqqas in-nefqa għaliex il-baġit għas-sena d-dieħla jirriskja li ma jkunx konformi mar-rakkomandazzjonijiet għal Malta biex toħroġ mill-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv. Lanqas li qegħdin f’din il-proċedura ħafna ma kienu jafu. Mhux hekk! Din mhix xi aħbar li tpoġġina bħala l-aqwa fl-Ewropa kif iħobbu jiftaħru li aħna Robert Abela u l-ministri u s-segretarji parlamentari spiss jiftaħru li aħna!
Clyde Caruana, biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, irid l-ewwel u qabel kollox jara minn fejn se jaqta’ min-nefqa. Irid jibda billi jaqta’ mill-ħela. Ma tgħaddix ġurnata li ma nisimgħux b’xi waħda ġdida. Dan l-aħħar ħareġ li ż-żrar li tpoġġa bla permess u mingħajr ma nħarġet offerta pubblika f’Ta’ Qali sewa aktar minn €300,000.
Flok ħaxix fil-picnic area issa hemm żrar li minn interpellanza li għamlet id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg hu tip ta’ ramel (sand-low fines (0/4) li kien impurtat minn barriera THISVI fil-muniċiplità fil-Greċja. Jirriżulta li saqqewh u ma’ telax ħaxix. Kif ma telax ħaxix wara x-xita li għamlet. Sit li qabel kien jitgawda mill-familji u li issa flok ħaxix inkesa biż-żrar… jew ramel!

Infiq bla rażan
Nefqa oħra li ma ħallitilna xejn, anzi kompliet ħadet lill-poplu Malti, hi dik dwar l-Arbitraġġ Internazzjonali fil-kwestjoni tal-isptarijiet li l-Gvern kellu ma’ Steward. Il-Gvern kien qed jitlob €480 miljun. Mhux talli minn dawn il-miljuni ma ħa xejn iżda spiċċa jħallas €10 miljun spejjeż ta’ avukati u esperti u €4.8 miljun oħra li jrid jagħti lil Steward. Robert Abela ħareġ ikanta vittorja! Kanta vittorja meta tilef mela li kieku ġab dawk it-€480 miljun li kien qed jitlob f’kumpens x’kien jagħmel! Kien jiddikjara festa nazzjonali u jagħti jixrob lil kulħadd!

Malita b’daharha mal-ħajt
Il-kumpanija Malita Enterprises li fiha l-Gvern għandu 82 fil-mija tal-ishma għandha tħallas miljuni kbar lil kuntratturi. Xogħlijiet fuq bini ta’ appartamenti f’Ħal Farruġ, il-Qrendi u Bormla kellhom jitwaqqfu għaliex il-kumpanija m’għandhiex minn fejn tħallas. Stramba għaliex din hi kumpanija fejn il-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma!
Jidher iżda li l-Gvern mhux se jagħmel tajjeb għall-ħofra kbira finanzjarja li hemm f’din il-kumpanija. Jekk il-kumpanija ma ssibx minn fejn se ssib il-fondi l-kuntratturi se jibqgħu ma jitħallsux.
Ħela kbira ta’ flus hemm fil-mijiet ta’ impjiegi ta’ fiduċja li qed jingħataw, li qed ikabbru n-nefqa tal-Gvern f’pagi u salarji bil-miljuni (ara tabella). Ħaddiema li kieku jinstabilhom xogħol mas-settur privat il-Gvern ikun qed inaqqsu mill-ħaddiema li jitqabdu minn barra pajjiżna u jnaqqsu n-nefqa tal-Gvern.
Infiq bl-addoċċ u bla kontroll qed isir fuq xogħol li jagħmel il-Gvern. Jien noqgħod Birżebbuġa fejn il-Gvern qed jibdel parti mis-sistema tad-drenaġġ fil-Bajja s-Sabiħa. Kieku hekk biss ħaġa tajba. Iżda l-ħela li hemm u x-xogħol li qed isir qed iwasslu għal infiq bl-addoċċ. Xogħol bla pjan. Minn trinka waħda biex jgħaddu l-katusi tad-drenaġġ spiċċaw għamlu tlieta. Il-katusi jitqiegħdu u fuqhom jintefgħu metri kubi ta’ konkos. Konkos li ftit jiem wara jerġa’ jitqatta’ biex jgħaddu katusi li jqabbdu d-djar tan-nies mas-sistema l-ġdida. Ippjanar ta’ xejn u xogħol li mhux qed isir skont is-sengħa. Lil min tgħidha li triq titqatta’ tliet darbiet! Din mhux kollha ħela ta’ flus li qed jiħallsu mit-taxxi tagħna lkoll!
Il-Ministru Clyde Caruana jekk irid isib irkaptu għall-infiq żejjed li dwaru qed tiġbidlu l-attenzjoni l-Kummissjoni Ewropea jrid idur dawra ma’ dwaru u ma jħallix lil kulħadd jagħmel li jrid. Irid jikkontrolla l-infiq billi jara li dak li jsir ikun skont l-istima u mhux jaqbiżha għal kemm-il darba.

Is-seba’ snin tal-abbundanza resqin lejn tmiemhom
Is-seba’ snin tal-abbundanza jidher li resqin lejn tmiemhom. Minkejja l-aqwa baġit fl-istorja li jħobb isemmi Robert Abela deħlin fis-seba’ snin fejn l-abbundanza se tisparixxi u tagħti wisa’ għal xi ħaġ’oħra. Snin fejn kulħadd irid jara kif se nkunu iktar produttivi u inqas ħalja.
Robert Abela min-naħa tiegħu jrid jieqaf jwiegħed proġetti li ma jidhrux fl-estimi. Li m’għandux flus għalihom. Irid jikkonċentra kif jgħin lill-Ministru tal-Finanzi jsolvi l-problemi finanzjarji li mhux biss jaffettaw lis-settur privat iżda anke lilu.
Kif qed turi t-toqba finanzjarja kbira li hemm f’kumpanija fejn il-Gvern tiegħu għandu maġġoranza tal-ishma. Kumpanija li kieku l-finanzi tal-Gvern kienu fi stat tajjeb u sodi kien jaqbad u jimlieha hu. Wara kollox mill-akkomadazzjoni li qed tinbena għal skop soċjali hu l-Gvern li se jieħu l-prosit u mhux il-kumpanija!

Il-Ministru Clyde Caruana jekk irid isib irkaptu għall-infiq żejjed li dwaru qed tiġbidlu l-attenzjoni l-Kummissjoni Ewropea. Irid idur dawra madwaru u ma jħallix lil kulħadd jagħmel li jrid.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 12  ta’ Diċembru, 2025.