Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal mara li kkawżat il-mewt tal-ħabiba tagħha f’inċident bil-mutur

Mara ta’ 33 sena li ammettiet li kkaġunat il-mewt tal-passiġġiera tagħha wara li saqet mutur filwaqt li kienet taħt l-influwenza tax-xorb, ingħatat sentenza sospiża.

Karol Yiset Bello Marin ta’ nazzjonalità Kolombjana kienet ħabtet ma’ pilastru tad-dawl fi Triq tat-Tabija, ir-Rabat, għall-ħabta tal-11pm fid-27 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet.

Il-ħabiba tagħha, Cristi Alejandra Robles Valderrama (ritratt), mietet fuq il-post tal-inċident. Iż-żewġ nisa kienu ħbieb u ġejjin mill-istess pajjiż. Bello Marin, li sofriet ġrieħi serji li għadha tgħix bihom sal-lum, kienet inizjalment ċaħdet l-akkużi iżda f’Ġunju 26 bidlet id-deċiżjoni tagħha u ammettiet.

Ir-rapport ta’ qabel is-sentenza spjega li l-inċident u l-mewt tal-ħabiba ħallew impatt psikoloġiku qawwi fuqha, aggravati minn amnesija li kienet sofriet wara l-inċident u li għadha ma tiftakar xejn minn dak li ġara.

Ir-rapport enfasizza wkoll li l-mara aċċettat ir-responsabbiltà u tħossha ħatja ħafna għal dak li ġara, għalkemm s’issa għadha ma kinitx ikkuntattjat lill-familja tal-vittma.

Il-‘probation report’ irrimarka li Bello kellha tfulija tajba u edukazzjoni tajba fil-Kolombja, u li ġiet Malta biex tistudja l-Ingliż. Għandha l-appoġġ tal-familja tagħha fil-Kolombja kif ukoll tal-maħbuba tagħha hawn Malta.

Intqal ukoll li l-imputata għandha kondotta kriminali nadifa, hija impjegata u taħdem mid-dar minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi li baqgħu wara l-inċident. L-uffiċjal tal-probation ikkonkluda li ordni ta’ servizz fil-komunità mhux fattibbli minħabba l-kundizzjoni medika tagħha u għalhekk issuġġerixxa sentenza sospiża, filwaqt li rrakkomanda li tkompli tmexxi ħajja stabbli.

Il-vittma Cristi Robles li kienet toqgħod l-Imtarfa, tilfet ħajjitha f’Awwissu tas-sena għall-ħabta tal-10.45pm. Spettur tal-Pulizija kien qal fil-Qorti li meta wasal fuq il-post, l-odometer tal-mutur involut fil-ħabta kien qed juri 100km fis-siegħa.

Qal li meta wasal fuq il-post sab lill-vittma f’għadira demm bi ġrieħi viżibbli f’rasha. Innota wkoll demm mal-arblu tad-dawl li daħal fih il-mutur. Xehed li l-limitu tal-veloċità fl-imsemmija triq kien 60km fis-siegħa. Fuq il-post tkellem ukoll ma’ diversi xhieda fosthom is-sid tal-ħanut tal-ġelat li fih kienet taħdem il-vittma.

Irriżulta li l-vittma lestiet mix-xogħol u baqgħet sejra tixrob ma ħabibtha. Filmati li ġew elevati mill-post fejn kienu qed jixorbu n-nisa, urew li t-tnejn ma kenux f’qagħda li jsuqu minħabba s-sakra li kienu fiha. Urew ukoll li s-sewwieq tal-mutur kienet liebsa elmu roża filwaqt li l-vittma ma kienet liebsa l-ebda protezzjoni. In-nisa dehru wkoll jiġbru l-mutur mill-art li ftit qabel kien waqa’, telgħu fuqu u telqu.

Ftit minuti wara, il-ħabta nqabdet fuq filmati tas-CCTV, bl-ispettur jixhed li l-mutur jidher ukoll qed jinstaq b’veloċità eċċessiva. Il-Qorti kkundannat lil Bello Marin għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Barra minn hekk, ġiet skwalifikata milli żżomm liċenzja tas-sewqan għal 24 xahar u ġiet ordnata tħallas €5,430.80 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat tal-Darlene Grima f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-mara dehret l-Avukat Ana Thomas.