Lokali Qorti

Sfida għal proċedura kriminali nulla għax ippreżentata minn nies li ma kellhomx dritt jagħmluha

Il-Qorti tal-Appell Kriminali qatgħet li l-isfida miftuħa mill-familja Grech biex il-Pulizija tressaq akkużi kriminali kontra Lara Grech hija nulla u ma tiswa għal xejn, għax ġiet ippreżentata minn persuni li ma kellhomx dritt jagħmluha.

Il-każ beda wara li Josephine Grech kienet għamlet kwerela lill-Pulizija fl-2019 dwar approprjazzjoni indebita u frodi allegata. Iżda wara li mietet, il-membri tal-familja tagħha komplew minflokha u fl-2021 fetħu sfida quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex l-awtoritajiet ikunu obbligati jipproċedu kontra Lara Grech. Dik il-Qorti kienet anki qablet magħhom u sabet li kien hemm biżżejjed bażi biex jinbdew il-proċeduri kriminali.

L-Avukat Ġenerali appella minn din id-deċiżjoni, u l-Qorti tal-Appell issa qablet miegħu. Il-Qorti qalet li skont il-liġi, biss il-persuna li tagħmel il-kwerela tista’ tiftaħ sfida bħal din. Peress li Josephine Grech kienet diġà mietet, u ħadd mill-werrieta tagħha ma għamel kwerela ġdida, dawn tal-aħħar ma setgħux jidħlu minflokha.

Il-Qorti qalet li dan kien żball serju u li l-proċeduri kollha li saru wara r-rikors tal-2021 huma invalidi. Id-deċiżjoni li kien hemm lok għal akkużi kontra Lara Grech għalhekk ġiet ikkanċellata kompletament.

B’riżultat ta’ dan, il-każ kriminali ma jistax jimxi ’l quddiem fuq il-kwerela oriġinali ta’ Josephine Grech, sakemm ma ssirx kwerela ġdida skont il-liġi.