Aktar minn 24 siegħa wara li ‘l fuq minn 60 immigranti daħlu f’Buġibba tul il-jum tal-Ġimgħa, il-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministru Byron Camilleri għadhom fil-muta, daqslikieku ma seħħ assolutament xejn.
Kien Net News li żvela l-wasla tal-immigranti fejn sfortunatament tal-inqas persuna waħda tilfet ħajjitha, wara li spiċċaw f’diffikultà f’nofs ta’ baħar ftit ‘il barra mit-territorju Malti.
Tul il-jum tal-Ġimgħa Net News bgħat sensiela ta’ domandi lill-Ministru Byron Camilleri madanakollu sa issa bqajna mingħajr risposta – bil-Ministru baqa’ ma għamel l-ebda stqarrija uffiċjali b’rabta mal-każ.
Aktar tard tul il-jum tas-Sibt, dan l-istazzjon prova saħansitra jwettaq kuntatt ulterjuri mal-Ministru madanakollu bqajna mingħajr risposta. Dan ifisser li l-Ministru Byron Camilleri baqa’ jippersisti f’muta assoluta bil-poplu ma jirċievi ebda risposta dwar kif u min iddaħħal fil-pajjiż.
Intant, din il-kamra tal-aħbarijiet, f’korrispondenza mal-Aġenzija tas-Servizzi ta’ Detenzjoni, tista’ tikkonferma li fost l-immigranti li ġew salvati ‘l barra minn Malta kien hemm żewġ minoreni li preżentament qed jirrisjedu f’ċentru apposta taħt il-ħarsien tal-aġenzija kompetenti bil-kumplament tal-grupp qed jinżamm f’ċentru tal-wasliet taħt ir-responsabbiltà tal-istess aġenzija.
Intqal ukoll lil Net News li hemm numru ta’ persuni, li l-ammont ma kienx ikkonfermat, li jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Intant ġie spjegat li l-passi li jmiss huma identiċi għal kull immigrant irregolari u huma xprunati mid-Direttivi rispettivi Ewropej li jirrigwardaw l-proċedura tal-Ażil u Ritorn.
Madanakollu l-Ministru Byron Camilleri u l-Gvern, aktar minn 24 siegħa wara, ħadd minn fosthom ma lissen kelma waħda.
//= $special ?>

