B’żewġ gowls fl-ewwel taqsima, Floriana saħħew l-ewwel post fil-klassifika tal-Opening Round, issa fl-istadju tat-Top Six, meta għelbu lil Birkirkara 2-0. Riżultat li jkompli jikkomplika s-sitwazzjoni preżenti ta’ Birkirkara, li b’din it-telfa issa llhom tliet partiti konsekuttivi mingħajr ma jirbħu punt fil-Malta Premier.
Dan kien it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun, b’Floriana kienu rebħu l-ewwel dwell kontra l-Istripes fl-ewwel rawnd bl-istess skor ta’ 2-0.
Il-Greens irnexxilhom jiftħu l-iskor f’nofs l-ewwel taqsima meta r-referee Serb, Slobodan Petrovic, saffar penalty favur l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Portugiż Daniel Portela, wara li Coelho Texeira deher jiġi mwaqqa’ fil-kaxxa difiża minn Birkirkara. Gianluca Festa, kowċ ta’ Birkirkara, ikkontesta d-deċiżjoni arbitrali, iżda wara li r-referee ra l-azzjoni fuq il-Football Video Support, Petrovic żamm mad-deċiżjoni tiegħu u l-penalty ingħata.
Mill-11-il metru, l-internazzjonali Malti Jake Grech ma żbaljax biex fetaħ l-iskor u xeħet pressjoni fuq l-eks tim tiegħu, Birkirkara.
Dan il-gowl ta’ aktar saħħa lil Floriana, li ftit wara n-nofs siegħa logħob irduppjaw l-iskor. Kienet azzjoni li fiha Mattia Veselji xeħet kross lejn in-nofs tal-kaxxa avversarja, u d-difensur Serb ta’ Birkirkara, Stefan Marjanovic, prova jbiegħed il-periklu, iżda minflok kien sfortunat li tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess għal skor ta’ 2-0.
B’12-il minuta biss mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Floriana dehru aktar kunfidenti, filwaqt li Birkirkara kienu konxji li kellhom tela’ iebsa f’tentattiv li jdawwru r-riżultat.
Fit-tieni taqsima, il-logħba kienet nieqsa mill-azzjonijiet, b’Floriana ma kellhomx problemi biex ikkontrollaw iż-żewġ gowls vantaġġ għall-ispejjeż ta’ Birkirkara, biex finalment il-leaders tal-Opening Round rebħu d-disa’ partita tagħhom f’dan il-kampjonat. Mhux hekk biss, lejlet il-konfront li Ħamrun Spartans imisshom jilagħbu kontra Marsaxlokk, il-Greens, b’logħba aktar, għandhom erba’ punti vantaġġ fuq iċ-champions Maltin.
L-iskorer tal-ewwel gowl ta’ Floriana, Jake Grech, kien magħżul bħala l-plejer tal-partita.
//= $special ?>

