Lokali

“Għaqda u determinazzjoni” – Għada Maratona Ġbir ta’ Fondi – “It-Tnejn niċċelebraw il-100 jum ta’ Alex Borg” – Charles Bonello

Messaġġ ta’ għaqda, saħħa, u determinazzjoni. Hekk kien deskritt diskors is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello waqt l-attivitajiet li qed isiru fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Milied Miegħek.

Dan hekk kif flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista Stefan Caruana, Charles Bonello ħeġġeġ lil dawk preżenti għal ikla tal-Milied quddiem id-Dar Ċentrali, sabiex flimkien ikomplu għaddejjin b’ħidma u kuraġġ għal li ġej.

Bonello sostna li nhar it-Tnejn fis-6:30 ta’ filgħaxija kulħadd huwa mħeġġeġ jingħaqad proprju quddiem id-Dar Ċentrali għal Mass Rally tal-100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista – 100 jum ta’ entużjażmu u enerġija pożittiva li ġibdet diversi persuni minn kull faxxa ta’ ġenerazzjoni lejn il-Partit Nazzjonalista.

Dan filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi għat-tisħiħ u investiment fil-messaġġ tal-media tal-Partit u mhux biss – fejn ħeġġeġ lil dawk preżenti mhux biss sabiex jagħtu d-donazzjoni tagħhom ħalli l-Partit Nazzjonalista jkompli jissoda, iżda saħansitra jattendu u jkunu parteċipi għal dan il-jum ta’ għaqda u ċelebrazzjoni.

Finalment Bonello rringrazzja lill-voluntieri kollha kif ukoll lill-ħaddiema li ta’ kuljum jagħtu s-sehem tagħhom għat-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista.