Internazzjonali Lokali

Id-Dar tal-Providenza Onorata bil-midalja tal-Qadi tar-Repubblika

F’Jum ir-Repubblika Malta tippremja liċ-ċittadini tagħha li jiddistingwixxu ruħhom f’oqsma varji u li  l-kontribut tagħhom ikattar il-ġid taċ-ċittadini sħabhom.

Dan kien is-sentiment tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono hekk kif kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, tagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin. Dan isir b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Iċ-ċerimonja ta’ investitura saret fil-Palazz, il-Belt Valletta, wara l-parata ċerimonjali li saret f’Pjazza San Ġorġ.

Disa’ persuni ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika – fosthom id-Dar tal-Providenza għal qadi li offriet lis-soċjetà Maltija fl-aħħar 60 sena.

Matul iċ-ċerimonja ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta ħataret ħdax-il persuna fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lis-Sur Mario Cutajar eks Kap taċ-Ċivil u issa Chairman ta’ Heritage Malta kif ukoll lil Stephen C. Spiteri, għal kontribut tiegħu lejn l-istorja u wirt militari ta’ pajjiżna.

Onorati wkoll bħala Membri Ordinarji tal-Ordni; il-Professur Joseph Borg għall-ħidma fil-Biomedika u Bioxjenza Spazjali, it-tabib Louis Buhagiar ħidma fis-settur tas-Saħħa u fis-settur tal-Mard tal-Kliewi, Victor Fenech għall-ħidma tiegħu fil-qasam letterarju, it-Tabib Lawrence Scerri b’rabta mal-kontribut fis-servizzi tad-dermatoloġija f’Malta, il-Kirurgu Charles Swain għal kontribut tiegħu fil-kiriurġija rikostruttiv u l-ħidma li wettaq mal-pazjenti tal-kanċer, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Alfred J. Vella b’rikonoxximent għal ħidma fl-oqsma tal-kimika u xjenza forensika u Theresa Zammit Lupi għal kontribut lejn l-istorja internazzjonali u restawr.

Ingħataw dan l-unur ukoll Emanuele Grimaldi għal ħidma fil-qasam marittimu ta’ pajjiżna u Fabio Gaulandris għal ħidma fil-Manifattura lokali.

Flimkien mad-Dar tal-Providenza ngħataw ukoll il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, il-Maestro Joe Brown, iż-żeffien Felix Busuttil kif ukoll il-kantant Tony Camilleri, Sonia Young għal ħidma li wettqet fil-filantropija u x-Xandir u l-atleta Fabio Spiteri.

Dan l-unur ingħata wkoll lil Professur Alexander Felice, Edwin Lanfranco kif ukoll lil Professur Max Gibbons wara mewthom.

Onorati wkoll bil-Midalja għal Servizz Distint il-Kaptain Mark Anthony Cassar kif ukoll il-Kaptan Darren Debono.