Hekk kif ninsabu fl-aktar perjodu festiv tas-sena – iż-żmien tal-Milied … huwa stmat li 25% tal-passiġġieri li jivvjaġġaw matul ix-xahar ta’ Diċembru mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta jkunu Maltin.
Fi stqarrija li ħareġ, l-Ajruport Internazzjonali, indika li l-qofol tal-festi mistenni jintlaħaq fis-27 ta’ Diċembru, meta madwar 206 titjiriet se joperaw lejn u minn Malta, u b’madwar 30,000 passiġġier f’ġurnata waħda. Dan il-livell ta’ attività mistenni jaqbeż it-traffiku medju ta’ kuljum tal-ajruport matul ix-xhur tas-sajf. Dan juri l-popolarità tal-ivvjaġġar f’Diċembru, speċjalment fost ir-residenti Maltin.
Għal kuntrarju ta’ dan, il-Jum tal-Milied mistenni jkun l-iktar jum kwiet tas-sena fl-ajruport, b’50 titjira minn u lejn Malta, biss skedati. Dan għaliex ħafna turisti jaslu fid-destinazzjoni tagħhom qabel il-Milied biex jiċċelebraw il-festi mal-familja u l-ħbieb.
Filwaqt li r-residenti Maltin jammontaw għal medja ta’ wieħed minn sitt vjaġġaturi matul is-sena – fix-xahar ta’ Diċembru dan l-ammont jiżdied għal wieħed minn kull erba’. Din iż-żieda hija mmexxija mill-vaganzi tal-iskola, laqgħat tal-familja, u interess dejjem jikber fid-destinazzjonijiet tax-xitwa.
Il-Polonja wkoll saħħet il-pożizzjoni tagħha bħala suq ewlieni għal Malta. Żieda fil-frekwenza tat-titjiriet poġġitha lura fit-tielet post f’Novembru, wara r-Renju Unit u l-Italja. Il-Ġermanja kklassifikat ir-raba’ post wara li rreġistrat tkabbir marġinali matul l-2024, filwaqt li Spanja reġgħet daħlet fil-quċċata tal-ħamsa minħabba tkabbir b’żewġ ċifri.
Flimkien, dawn il-ħames swieq kienu jammontaw għal kważi 62 fil-mija tal-ivvjaġġar ta’ 734,791 passiġġier irreġistrati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Novembru.


