Internazzjonali

Jissoktaw it-taħditiet għal waqfien mill-ġlied

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump se jkun qiegħed jibgħat lir-rappreżentant tiegħu Steve Witkoff il-Ġermanja bil-għan li jiltaqa’ mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky u l-bqija tal-Mexxejja Ewropej waqt taħdidiet għal waqfien mill-ġlied.

Witkoff, fl-aħħar ġimgħat kien qiegħed jirrappreżenta lill-White House fil-meditazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna u issa se jkun qed jiddiskuti l-aħħar verżjoni tal-ftehim ta’ paċi propost f’Berlin.

L-amministrazzjoni ta’ Trump qed taħdem favur ftehim li jintlaħaq sal-Milied madanakollu s-sinjal kollha qed juru li dan se jkun tragward diffiċli.

Sa issa għadu ma ġiex ikkonfermat liema mexxejja Ewropej se jkunu qed jattendu għal dawn it-taħditiet.

Ġurnali internazzjonali qed jirrapportaw li f’dawn it-taħdidiet se jkunu qed jipparteċipaw ukoll il-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer, il-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz u l-President Franċiż Emmanuel Macron.

Sa issa Kyiv qed tirrifjuta għal kollox li ċċedi l-artijiet li ġew illegalment okkupati, b’Moska tinsisti li l-intenzjoni hi li r-Russja tieħu r-reġjun tad-Donbas bil-forza la darba l-Ukrajna ma ċċedix.

L-Ukrajna u l-alleati fl-Ewropa qalu pubblikament li t-taħditiet mmexxija mill-Istatit Uniti kienu ta’ sustanza – b’diskussjonijiet dwar il-progress fl-emendi tal-pjan li kien meqjus bħala favur ir-Russja.

Madanakollu fl-aħħar ġimgħat kien hemm sinjali li Trump qed jitlef il-paċenzja ma’ Zelensky u l-partitarji tiegħu. Mhux talli hekk, iżda talli sejjaħ lil mexxejja ewropej “dgħajfa”.

Hekk kif il-pressjoni diplomatika tal-White House tkompli, l-attenzjoni fl-Ewropa hija ffokata fuq kif tappoġġja l-Ukrajna f’każ ta’ ftehim ta’ paċi, b’diskussjonijiet għaddejjin dwar garanziji ta’ sigurtà u finanzjament.

Ftit jiem wara l-invażjoni tal-2022, l-Ukrajna applikat formalment biex tingħaqad mal-UE ftit jiem wara l-invażjoni tal-2022 iżda minkejja l-wegħdiet ta’ proċess mgħaġġel għad fadlilha diversi snin biex issir membru.

L-AFP rrappurtat li skont il-pjan, l-Ukrajna se ssir membru sa Jannar 2027.