Lokali

Persuna oħra arrestata b’rabta ma’ traffikar tad-droga

Wara li fis-7 ta’ Novembru kienu ġew arrestati żewġt irġiel u mara, li allegatament kienu qegħdin joperaw ċirku ta’ traffikar tad-droga, komplew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex jiġu identifikati aktar suspettati li jagħmlu parti minn dan iċ-ċirku.

Dawn l-investigazzjonijiet wasslu biex kmieni dalgħodu ġie arrestat raġel ta’ 29 sena residenti l-Gżira. Wara osservazzjoni fuq il-movimenti tiegħu, fejn il-Pulizija nnutawh jagħmel kuntatt ma’ persuna oħra, il-Pulizija waqfitu max-Xatt ta’ Ta’ Xbiex.

Saret tfittxija fuqu fejn instabu madwar 40 qartas b’sustanza suspettata kokaina u anke sustanza suspettata raża tal-kannabis. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu fejn ġiet elevata borza b’aktar sustanza suspettata kokaina u oġġetti oħra relatati mal-produzzjoni ta’ sustanzi llegali. Il-valur tad-droga misjuba tlaħħaq madwar €5,000.

Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.