Lokali

Deal ieħor: Roderick Galdes partat appartament għal biċċa art

Il-Ministru Roderick Galdes partat appartament fix-Xagħra għal biċċa art fl-Għarb – liema tpartit sar mal-iżviluppaturi Joseph Portelli, Mark Agius u Daniel Refalo.

Dan ġie żvelat mit-Times of Malta – hekk kif fi storja ppublikata l-Ħadd sar magħruf it-tieni deal privat tal-Ministru tal-Housing Roderick Galdes ma’ dawn l-iżviluppaturi notevoli.

L-istorja tgħid ukoll li għax il-proprjetà kienet tiswa aktar mill-plot, l-iżviluppaturi pattew għad-differenza fil-prezz billi għamlu xogħlijiet għal Galdes fis-sit.

Il-plot kienet tiswa €100,000 u l-appartament ta’ Galdes kien jiswa €135,000. Skont l-istorja tat- Times,għal dan l-appartament Galdes kien ħallas €45,000 meta xtrah fl-2015, mingħand żviluppatur ieħor.

Skont it-Times, jidher wkoll li l-idea tat-tpartit ġiet mingħand il-Ministru tal-Housing Roderick Galdes stess. Apparti dan kollu, jidher ukoll li Galdes kien wkoll xtara dar f’Ħal Qormi għal €75,000 lura fl-2017.

Iż-żewġ propjetajiet li spiċċaw fid-dominju pubbliku fl-aħħar jiem huma biss tnejn minn lista sħiħa ta’ propjetajiet li Galdes xtara fl-aħħar snin, inkluż proprjetajiet fi Sqallija u fir-Renju Unit.

B’rabta ma’ dan il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija saħaq li dan l-iskandlu qed jkompli jħabbel il-kobba tal-istorja ta’ Roderick Galdes.

Apparti li ġie spjegat il-fatt li l-Ministru responsabbli mit-tqassim tal-akkomodazzjoni soċjali kellu l-fortuna li jagħmel deal tajjeb ieħor fil-proprjetà. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista saħaq ukoll li waqt li Galdes jitħanżer, uliedna u l-familja tagħna ta’ kuljum jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu l-ewwel proprjetà.

Apparti min hekk fl-aħħar jiem il-Kap tal-PN Alex Borg sejjaħ għar-riżenja ta’ Galdes, sakemm jiġi mnaddaf ismu u isem il-Gvern Malti – anke fid-dawl tal-kriżi fil-prezz tal-propjetà.