Repubblika tinnota bi tħassib serju dak li kixfet illum it-Times of Malta dwar tranżazzjonijiet ta’ propjetà bl-involviment tal-Ministeru għall-Housing Roderick Galdes u ta’ żviluppaturi tal-propjetà.
B’dak li nafu għax issa fid-dominju pubbliku il-każ jidher li hu konsistenti ma’ kull definizzjoni raġjonevoli ta’ korruzzjoni: l-abbuż ta’ funzjoni pubblika għall-qliegħ privat.
Bħala Ministru għall-Housing Roderick Galdes għandu pożizzjoni ta’ responsabbiltà u influwenza kbira f’settur iddominat minn interessi kbar kummeċjali. Fir-rwol tiegħu hu fdat b’relazzjoni privileġġjata mal-iżviluppaturi u l-ispekulaturi. Din ir-relazzjoni teżisti biex tiġi eżerċitata fl-interess pubbliku – partikolarment l-interess ta’ dawk li m’għandhomx biex iħallsu għal post diċenti fejn jgħixu.
L-informazzjoni li nkixfet tagħti x’jinftihem li din il-pożizzjoni privileġġjata intużat minflok għall-benefiċċju personali tal-Ministru. Jekk tkun ikkonfermata, dan hu ksur serju tal-fiduċja tal-pubbliku: Ministru mqabbad jiddefendi lill-foqra u l-vulnerabbli jidher li minflok għamel lilu nnifsu sid ħemel kirjiet b’negozjati mal-interessi li suppost qed jirregola u jgħasses fuqhom.
Dan il-każ juri wkoll falliment istituzzjonali maħsub mill-gvern stess. Iżżarmaw għodda ta’ trasparenza: l-ewwel meta tneħħa l-obbligu li l-ministri jiddikjaraw l-assi f’isem żwieġhom, imbagħad bil-ħabi totali anke tad-dikjarazzjonijiet tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet għamluha faċli għall-Ministri li jħaxxnu bwiethom waqt li jservu fil-gvern u għamluha diffiċli li l-pubbliku jgħasses fuqhom.
Minn tal-anqas hemm responsabbiltà politika ċara. Il-Ministru għall-Housing aġixxa b’mod inkompatibbli mal-istandards mistennija għal xi ħadd f’pożizzjoni pubblika. Barra minn dan, il-fatti juru li hemm bażi aktar millli suffiċjenti biex issir investigazzjoni sħiħa f’imġiebtu u mġiebet l-iżviluppaturi li jidhru li nnegozjaw miegħu għall-vantaġġ privat reċiproku tagħhom u bi ħsara lill-interess pubbliku.
Repubblika tirringrazzja lit-Times of Malta għall-impenn kostanti tagħha li tinvestiga l-korruzzjoni fl-interess pubbliku. Insellmu wkoll ħidmet l-attivist kontra l-korruzzjoni Jason Azzopardi li ħejja l-bażi għax-xogħol li issa jridu jagħmlu l-pulizija u l-prosekuturi li għandhom jinvestigaw b’mod indipendenti, bla biża jew favur.
Fl-aħħar, Repubblika ttenni l-proposti li ilha tagħmel għal riformi biex insaħħu l-kapaċità ta’ Malta li tevita, taqbad, u tikkastiga l-korruzzjoni. Dawn il-proposti jinkludu li jerġa’ jkun hemm trasparenza sħiħa fid-dikjarazzjonijiet tal-assi, tisħiħ tar-regoli dwar kunflitt t’interess, u garanziji għall-indipendenza u l-effettività tal-forzi tal-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni. Dan il-każ iffakkarna għal darb’oħra kemm hu urġenti l-bżonn ta’ dawn ir-riformi.
//= $special ?>

