L-unika ħaġa aħjar minn deal tajba hija żewġ deals tajbin.
Dalgħodu s-Sunday Times of Malta żvelat skandlu ieħor li jkompli jħabbel il-kobba tal-istorja ta’ Roderick Galdes.
Il-Ministru responsabbli mit-tqassim tal-akkomodazzjoni soċjali kellu l-fortuna li jagħmel deal tajjeb ieħor fil-proprjetà.
Din l-istorja kompliet qajmet kjass sħiħ fil-Grupp Parlamentari Laburista hekk kif ħafna fi ħdan il-Grupp qed jistennew li Robert Abela jieqaf lil Roderick Galdes qabel ma jkompli jagħmel aktar ħsara milli diġà għamel lill-Gvern Laburista.
L-istorja tas-Sunday Times tikxef kif Galdes partat appartament fix-Xagħra għal biċċa art fl-Għarb li llum fuqha nbniet dar.
Roderick Galdes ftit tal-jiem ilu kien is-suġġett ta’ storja oħra li tinvolvi proprjetà – din id-darba penthouse lussuża bil-jacuzzi, l-arja tagħha u garaxx li rnexxielu jixtri għall-prezz bargain ta’ €140,000. Issa s-Sunday Times kixfet deal tajba oħra li rnexxielu jagħmel il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali – dejjem mal-istess żviluppaturi li l-Housing Authority, li taqa’ taħtu, tathom €27 miljun f’kuntratti għall-akkomodazzjoni affordabbli.
L-istorja tgħid ukoll li għax il-proprjetà kienet tiswa aktar mill-plot, l-iżviluppaturi pattew għad-differenza fil-prezz billi għamlu xogħlijiet għal Galdes fis-sit. Il-plot kienet tiswa €100,000 u l-appartament ta’ Galdes kien jiswa €135,000. Skont l-istorja tas-Sunday Times, għal dan l-appartament Galdes kien ħallas €45,000 meta xtrah oriġinarjament, ħames snin qabel, fl-2015, mingħand żviluppatur ieħor. U l-idea tat-tpartit ġiet mingħand Galdes stess.
Filwaqt li Galdes jitħanżer, uliedna u l-familja tagħna ta’ kuljum jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu l-ewwel proprjetà.
Iż-żewġ proprjetajiet li tkellmet dwarhom il-media fl-aħħar jiem huma biss tnejn minn lista sħiħa li Galdes xtara fl-aħħar snin, inkluż proprjetajiet fi Sqallija u fir-Renju Unit.
Il-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jagħti struzzjonijiet lill-ebda awtorità. Kulħadd jaf x’inhi r-responsabbiltà tiegħu u lil min ħalef lealtà. Robert Abela lil min ħalifha?
//= $special ?>

