Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jdur fuq dawk kollha ta’ rieda tajba, sabiex ikunu ta’ sostenn għall-ħidma tiegħu.
Propju għalhekk, bdiet il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista, wara ġimgħa ta’ avvenimenti propju bħala parti minn ‘Milied Miegħek’ – il-villaġġ tal-Milied li estenda mhux biss ġewwa d-Dar Ċentrali imma anke fuq barra.
Il-maratona, se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq Net Television sa tard filgħaxija. Dan filwaqt li fl-10 ta’ filgħodu anke fetħu l-istands armati barra d-Dar Ċentrali, b’divertiment, ikel, xorb u ħelu relatat ma’ dan iż-żmien ta’ festi.
Dawn l-avvenimenti se jilħqu l-qofol tagħhom propju t-Tnejn 15 ta’ Diċembru b’attività tal-massa fl-għeluq il-100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg diġa’ beda bil-ħidma tiegħu hekk kif qed iżur il-Każini tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ mal-voluntieri u anke dawk kollha li qed jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom sabiex jgħinu lill-Partit Nazzjonalista.
Filfatt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien preżenti fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista fil-Fgura, Tas-Sliema, Ħal Qormi u San Ġwann.








