Ingħata bidu għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Nazzjonalista, liema inizjattiva importanti se tkompli tgħin sabiex il-PN iwassal il-messaġġ tiegħu. Ix-xandira – li bdiet għall-ħabta ta’ nofsinhar – qed titwassal mis-sala ewlenija tad-Dar Ċentrali tal-PN, u se tibqa’ sejra sa tard filgħaxija.
Il-maratona infetħet mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Stefan Caruana u t-Teżorier Veronica Perici Calascione.
F’kummenti li għaddew huma lkoll saħqu fuq l-importanza tad-donazzjonijiet għaliex bil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi l-Partit Nazzjonalista u l-media jistgħu jkomplu jissaħħu. Dan apparti li rringrazzjaw lill-ħaddiema tax-xogħol tagħhom u d-dedikazzjoni tagħhom bil-għan li l-istazzjon jimxi ‘il quddiem.


Intant fid-Dar Ċentrali apparti l-ġbir importanti li għaddej – quddiem id-Dar Ċentrali hemm ukoll il-villaġġ tal-Milied bit-tema “Milied Miegħek” li jinkludi spettakli bis-sehem ta’ diversi kantanti u bands, wirja tal-presepji u żona għat-tfal, fosthom bil-preżenza ta’ Father Christmas.
Is-serata ser tkun wkoll imżewqa b’kantanti u anke preżentaturi li ser jakkumpanjaw lil dawk kollha li ser ikunu qed isegwu.
Il-maratona ġbir ta’ fondi qed titwassal kemm fuq Net TV, Net FM u b’xandira diretta fuq il-midja soċjali.
//= $special ?>

