“L-aktar jum terribbli fl-istorja moderna tal-Awstalja…’ Hekk ikkummentaw il-kelliema għall-Gvern Awstraljan wara li nqatlu talanqas 11 waqt sparatura f’Bondi Beach, fil-belt ta’ Sydney…Azzjoni qattiela li seħħet fil-ħin ta’ ċelebrazzjoni tal-Hanukkah li hu wieħed mill-aktar avvenimenti importanti għall-komunità tal-Lhud.
Il-Pulizija fl-Istat ta’ New South Wales, fl-aħħar sigħat, kienu qed jindagaw jekk il-massakru jaqax taħt il-kategorija ta’ terroriżmu inkella‘hate crime’ dirett għal-Lhud b’mod speċifiku.
Il-massakru, fil-fatt, hu xi ħaġa rari għal kollox fl-Awstralja u twettaq minn żewġ irġiel fuq pont li fetħu n-nar fuq il-gruppi tan-nies li kienu qed jiddevertu fuq il-bajja…Sparatura li anki ħalliet ‘il fuq minn 30 midruba, inklużi tfal.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-Hanukkah f’Bondi Beach attendew ‘il fuq minn 1,000 ruħ, bin-nies li tkellmu mal-media wara l-isparatura jgħidu li ma kenux jafu x’kien qed jiġri qabel raw lill-persuni jaqgħu mal-art quddiemhom, fost il-pandemonju u l-paniku sussegwenti.
Sadanittant, il-pulizija qatlet lil wieħed mill-aggressuri fuq il-post u bl-ieħor ikun irrappurtat f’kundizzjoni kritika wara konfront mal-membri tal-Korp li kienu armati sa snienhom.
Fuq il-post waslu wkoll l-esperti tal-isplussivi mal-bomb squad wara li l-pulizija fl-inħawi sabu vettura li suspettaw li kienet karozza-boimba.
Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Chris Minns, qal li l-poplu Awstraljan qatt ma ħaseb li xi ħaġa bħal din setgħet isseħħ f’pajjiżu.
Mistenni wkoll li l-Awstralja tiddikjara perjodu ta’ luttu nazzjonali, bit-Taqsima Speċjali għal kontra t-Terroriżmu qed tkompli bl-investigazzjonijiet intensivi.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Prim Ministru Awstraljan, Anthony Albanese, fisser l-attakk bħala ‘azzjoni li riflettiet sens malinn ta’ antisemitiżmu u li nħasset minn kull Awstraljan ta’ rieda tajba’.
Tkellem anki l-President Iżraeljan, Isaac Herzog, li esprima solidarjetà sħiħa mal-komunitajiet tal-Lhud f’Sydney filwaqt li kkundanna bla riservi ‘lit-terroristi li wettqu attakk bla ħniena fuq il-familji waqt li huma kienu qed jixgħelu x-xemgħat skont it-tradizzjonijiet al-Hanukkah.’
Intant, bdew jiċċirkulaw il-filmati ta’ żewġ irġiel bl-azzarini awtomatiċi li kienu qed jisparaw kontinwament lejn in-nies fuq il-bajja. F’ħin minnhom, raġel fil-viċin qabeż fuq wieħed mill-aggressuri u prova, għalxejn, jeħodlu l-arma minn idejh.
Filwaqt li l-Awstraljani qed jingħaqdu f’luttu, il-Mexxejja tad-Dinja qed ikomplu jwasslu l-messaġġi ta’ solidarjetà ma’ dan il-poplu.
Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ikkundanna l-attakk f’Bondi Beach bħala ‘azzjoni terroristika anti-Semitika’ filwaqt li sostna li Franza – li ġarrbet diversi attakki terroristiċi tul l-aħħar snin – se tkompli tissielet biex ittaffi l-impatti fatali tal-mibgħeda għal-Lhud,
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, wasslet messaġġ ta’ kondoljanzi lill-Awstraljani kollha waqt li sejħet ‘għall-impenji aktar konkreti kontra kull forma ta’ vjolenza u antisemitiżmu’.
44
//= $special ?>

