Internazzjonali

L-Ukrajna: Kampanja ta’ attakki ta’ qabel il-Milied

Il-qawwiet tal-ajru tar-Russja jidhru li se jirrankaw l-attakki fuq l-ibliet tal-Ukreni matul il-ġranet ta’ qabel il-Milied u bħala parti minn sensiela ta’ azzjonijiet sistematiċi. Dan anki waqt li għaddejjin l-isforzi diplomatiċi għat-tmiem tal-gwerra li għandha tagħlaq erba’ snin fi Frar li ġej.

Fl-aħħar sigħat, sfaw feruti tal-anqas 15 fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia, lejn in-Nofsinar tal-Ukrajna. Il-midruba jinkludu ħaddiema mal-iskwadri għall-emerġenza flimkien ma’ numru ta’ tfal.

Dan fost konferma li l-missili u d-drones ikkaġunaw il-ħsarat f’zona residenzjali wara li laqtu l-bini taċ-ċivili, stabbiliment ta’ supermarket, ħwienet tal-merċa u vetturi tar-residenti.

Jidher ukoll li r-Russi qed jużaw tattika tal-gwerra bbażata fuq l-attakki konsekuttivi fuq post partikulari, minuti biss ‘il bogħod minn xulxin. Għaldaqstant, l-iskwadri għall-emerġenzi spiċċaw ukoll mira diretta għall-aggressjoni.

Il-qawwiet Russi anki wettqu attakk separat fuq ir-reġjun ta’ Sumy li jinsab fl-artijiet Ukreni tal-Grigal.

L-Uffiċjali lokali qalu li r-Russi mmiraw lejn il-bini ‘high rise’ għar-residenti fid-distrett ta’  Zarechny… attakk li, b’xorti taqjba, ma ħalla l-ebda vittmi.