Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista
Bejn illum il-Ħadd u għada t-Tnejn il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jgħix u jesperjenza jumen mill-aktar importanti fil-kalendarju impenjattiv tal-attivitajiet tiegħu… illum il-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-PN u għada għeluq l-ewwel mitt jum ta’Alex Borg bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn huma jumejn ferm aktar minn importanti li t-tħejjijiet għalihom ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat biex nassiguraw li mhux biss jirnexxu, imma li jkunu ta’ suċċess f’kull sens.
Organizzati b’suċċess diversi attivitajiet
Diġà matul din il-ġimgħa l-PN organizza diversi attivitajiet bħala parti mill-Milied Miegħek organizzat fid-Dar Ċentrali u barra d-Dar Ċentrali fejn ittellgħu diversi inizjattivi relatati direttament mal-Milied fejn in-nies ġew, ipparteċipaw u ħadu gost fi spirtu Natalizju sabiħ.
Dawn l-attivitajiet huma importanti għaliex juru kif il-PN qiegħed jattwa tassew il-wegħda tiegħu ta’ Dar Ċentrali miftuħa għal kulħadd. Ħajja fil-veru sens tal-kelma. Allura n-nies jattendu bi ħġarhom u dan lilna jimliena b’kuraġġ kbir biex nissoktaw naħdmu u nirsistu.
F’dawn il-jiem ukoll kienet varata l-wegħda tal-crowdfunding li biha l-PN qed jilħaq diversi tragwardi mill-aktar importanti. Irrid nirringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex din is-sistema qed taħdem b’tant suċċess.
Nista’ nistqarr li din kienet biċċa xogħol ambizzjuża iżda naċċerta lil kulħadd lis-sistema qed taħdem u qed taħdem b’suċċess.
Sadattant fl-aħħar jumejn kellna l-Ikla fil-Pjazza u s-serata divertenti tal-bieraħ filgħaxija biex imbagħad matul il-ġurnata tal-lum tittella’ l-Maratona Ġbir ta’ Fondi li hi mill-aktar importanti għaliex finanzjarjament tagħti nifs mill-aktar importanti lill-PN.
Illum Jum il-Maratona Ġbir ta’ Fondi
Irridu nassiguraw li jkollna Maratona Ġbir ta’ Fondi ta’ suċċess kbir. Nistqarr li qed nara lill-istrutturi kollha tal-Partit jaħdmu bla heda biex din tkun il-Maratona tassew speċjali.
Inħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa f’din il-Maratona biex hekk il-Partit isaħħaħ l-operat u t-twassil tal-messaġġ tiegħu. Għaliex kull ċenteżmu li jidħol aħna ninvestuh fl-operat u fit-twassil tal-messaġġ tagħna. Biex inkunu aktar effettivi u nilħqu ferm aktar nies.
Tajjeb li kulħadd jifhem tajjeb li l-PN jgħix grazzi għall-maratoni li jagħmel. Jekk maratona tmur ħażin ikun ifisser biss li fit-tliet xhur ta’ wara l-operat tal-Partit ikollu jħabbat wiċċu ma’ sfidi akbar.
Allura hu għalhekk li l-PN jagħti importanza kbira lill-maratona għaliex ikun jista’ jassigura li fit-tliet xhur ta’ wara jkun jista’ jagħmel il-proġettazzjonijiet meħtieġa u mixtieqa.
Naturalment f’dak il-perjodu l-PN ikollu dħul ieħor bħal mit-tesseri u minn attivitajiet oħrajn li jsiru. Deħlin żgur iżda bla garanzija ta’ meta se jidħlu u għalhekk huma importanti l-flus tal-maratoni għaliex bihom tista’ tħallas il-pagi, tista’ tħallas għall-operat…
Hu għalhekk li l-maratona tal-lum hi ferm importanti u l-mira tiegħi li llum il-PN jiġbor daqskemm inġabru flus fil-maratona tas-sena l-oħra u aktar biex hekk ikollna l-fondi li għandna bżonn biex immexxu lill-PN aħjar.
Għalhekk l-appell tiegħi lin-nies hu li jifhmu li aħna ninsabu fi staġun ġdid għall-PN. Rebbiegħa ġdida li trid impenn biex tkun sostnuta u mseddqa. Bis-sehem ta’ kulħadd. Għaliex id-donazzjonijiet tan-nies ma huma xejn għajr investiment mill-aktar kruċjali u l-PN irid li jkollu l-flus biex jinvesti b’mod għaqli. Irrid li nkomplu ndaħħlu aktar filwaqt li nnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż.
Il-finanzi hi sfida kbira għall-PN. Sfida li iżda lili ma taqtagħli qalbi assolutament xejn. Konxju mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN u rridu nibqgħu attenti biex nibqgħu nirnexxu u nimxu ‘l quddiem. Irrid li nibqgħu għaddejjin b’aktar dħul iżda bi spejjeż anqas. Dik hi r-responsabbiltà tiegħi lejn il-Partit.
Għada għeluq l-ewwel mitt jum ta’ Alex Borg Kap tal-PN
Sadattant għada t-Tnejn hu għeluq il-mitt jum ta’ Alex Borg bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Qed naraw ħafna nies jersqu mill-ġdid lejn il-Partit Nazzjonalista u nirringrazzja lil dawk kollha li jemmnu fil-Partit u li sa mill-ewwel ġurnata lkoll kemm aħna mxejna wara Alex Borg bħala l-Kap tal-Partit.
Iċ-ċavetta tas-suċċess hi l-għaqda u nirbħu biss jekk inkunu magħquda. Irridu nibqgħu magħquda. B’dixxiplina u b’impenn sħiħ. Is-suċċess li ksibna f’dawn il-mitt ġurnata jrid jissokta b’ħafna ħidma fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin. Nibqgħu nimxu wara l-Kap tal-Partit. Magħqudin b’impenn u deċiżi li nibqgħu bil-għaqal billi kull ħaġa li niksbu nibqgħu jikkultivawha u nkabbruha ħalli finalment naslu għall-għan aħħar li nirbħu l-Elezzjoni Ġenerali.
Għal għada l-PN fassal programm sħiħ ta’ attivitajiet li jibda minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Alex Borg li mbagħad filgħaxija jindirizza mass rally quddiem id-Dar Ċentrali. Barra minhekk Alex Borg se jkollu wkoll numru ta’ impenji oħra.
Sa għada Alex Borg se jkun wettaq il-wegħda kollha li kien għamel qabel ma kien elett bħala l-Kap tal-PN u dan kollu se jkompli jkabbar il-kredibbiltà tal-PN.
Sa għada jitwettqu l-wegħdi kollha
Sa għada f’nofsillejl Alex Borg se jkun wettaq il-wegħdi kollha li għamel qabel ma nħatar Kap tal-PN… inkluż il-pubblikazzjoni tal-accounts tal-Partit li se jkunu qed juru l-qagħda reali li jinsab fiha l-PN mingħajr ebda ħabi… ċioè li hemm id-diffikultajiet iżda wkoll li mexjin fit-triq it-tajba.
Tajjeb li jkun iċċarat li dawn l-accounts saru minn awdituri serji li għamlu biċċa xogħol mill-aktar serja; biċċa xogħol li tkompli tagħmlilna kuraġġ ħalli nissoktaw nimxu ’l quddiem.
Accounts li se jkunu qed juru li mhux veru li l-PN għandu xi katastrofi ta’ djun. Għandna djun daqs kull partit ieħor f’pajjiżna. Għandna djun bħala Partit u wkoll tal-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Partit. Dawn huma djun li se jkunu magħrufa ma’ kulħadd iżda ta’ ħaddieħor jibqgħu moħbija.
Aħna trasparenti u ma rridux ngħaddu lin-nies biż-żmien u għalhekk jien nisfida lill-Partit Laburista biex jgħidilna x’inhuma d-djun tiegħu li jammontaw għal miljuni. Miljuni ta’ djun mill-PL kemm bħala Partit u wkoll – anzi ferm aktar – fl-operat tal-istazzjon tal-midja tiegħu.
Niġġieldu Gvern PL li jibbrilla fl-omertà u n-nuqqas ta’ trasparenza
Iżda l-Gvern/PL kulħadd jaf kif jopera… b’ħafna omertà u b’ħafna ħabi. Ħabi fil-ħruġ tal-Avviż legali tal-Ippjanar. Ħabi fil-ħruġ tal-Avviż Legali li tolqot l-użu tal-art agrikola. Ebda trasparenza u ebda konsultazzjoni.
Rajna f’dawn il-jiem id-diversi skandli ta’ Roderick Galdes. Bħal-lum sena konna qed niddiskutu d-diversi skandli ta’ Ministru ieħor… Clint Camilleri. Sadattant matul it-tnax-il xahar li għaddew skandlu wieħed wara ieħor. Jgħajjuk bl-iskandli.
Jekk nieħu biss il-każ ‘Roderick Galdes’ jaqbel miegħi kulħadd li dan qiegħed għal darba oħra u bl-aktar mod sfaċċatament jikkonferma li dan hu Gvern li qiegħed hemm biex jisserva bin-nies u mhux biex iservi lin-nies.
Dan hu sintomu ta’ dan il-Gvern li appena kien elett fl-2013 beda mill-ewwel, u għadu sal-lum, jisserva bin-nies flok iservi lil dan il-poplu.
Ma jistax ikun li jkollok Ministru tal-Gvern li ma jagħmilx għarfien dwar ir-responsabbiltajiet kbar tal-kariga li jkun qiegħed iġorr. Kull Ministru jrid jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu x’inhuma u jassigura li jkun ta’ eżempju korrett.
Il-politika hi mibnija fuq il-fiduċja u allura kull Ministru jrid ikun ċert li l-fiduċja li jkun igawdi min-nies tintefagħlu f’xi dubbju. Kollox jindika li Roderick Galdes żgarra sew għaliex iċ-ċifra ta’ €140,000 għal duplex penthouse bil-jaguzzi, bil-garaxx… ma titwemmen minn ħadd. Kulħadd jaf kemm il-proprjetà llum il-ġurnata għoliet fil-prezz.
F’dan ix-xenarju kollu l-Prim Ministru Robert Abela għandu r-responsabbiltà li jassigura l-korrettezza. F’dan il-każ jidher li Roderick Galdes ma mexiex b’mod korrett u għalhekk il-Prim Ministru għandu jaġixxi b’kuraġġ biex jieħu d-deċiżjonijiet mistennija minnu.
Ma jistax ikun li l-Prim Ministru jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu u nisfidah li jekk il-prezzijiet tal-proprjetà huma ta’ €140,000 allura għandu jippubblika l-lista sħiħa tal-proprjetajiet bħal f’dan il-każ li nbiegħu fl-aħħar xhur u snin. U hekk il-poplu jkun jista’ jkompli jagħmel il-ġudizzju tiegħu.
Għalhekk illum irridu nassiguraw li jkollna Maratona Ġbir ta’ Fondi li tkun ta’ suċċess kbir u li għada nassiguraw, niċċelebraw u nkomplu naħdmu lkoll magħquda wara Alex Borg biex inkomplu nissaħħu bħala Gvern alternattiv ħalli f’din it-triq lejn ir-rebħa jkollna s-sehem u l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

