“Wasalna fil-punt fejn pajjiżna jeħtieġ li jagħmel il-qabża lejn il-kwalità bil-għan li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom, li l-Maltin jibqgħu jgħixu f’pajjiżna sabiex pajjiżna jkun destinazzjoni ta’ eċċellenza.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista fil-programm Analiżi fejn fost l-oħrajn tkellem dwar is-saga ta’ Roderick Galdes u l-ewwel 100 jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Matul l-intervista Alex Borg spjega kif il-Ħadd filgħodu kompliet is-saga ta’ Roderick Galdes hekk kif ġie żvelat każ ieħor li juri iswed fuq l-abjad il-qrubija li Galdes għandu mal-kuntratturi. Hawnhekk huwa fakkar fuq it-talba li għamel il-Partit Nazzjonalista ftit tal-ġimgħat ilu propju li l-Ministru Roderick Galdes għandu jirreżenja fid-dawl ta’ dan il-każ serju.
Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li ż-żgħażagħ qed ibatu biex jixtru l-ewwel post tagħhom il-Ministru Roderick Galdes qed jixtri l-propjetà bi prezz aktar baxx minn dak li hemm fis-suq.
B’rabta mal-100 jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg qal li kienu mmarkati minn kuntatt kontinwu man-nies dan filwaqt li enfasizza fuq l-importanza li l-politiċi jżommu dan il-kuntatt.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li l-politika tkompli tindirizza l-isfidi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex pajjiżna jagħmel il-qabża lejn il-kwalità.
//= $special ?>

