Raġel ta’ 30 sena residenti l-Gżira nżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi serji li kienu jinkludu l-involviment tiegħu f’ċirku kriminal, il-pussess ta’ droga mhux għall-użu personali, kif ukoll ħasil ta’ flus.
John Junior Pace ġie mixli wkoll li saq vettura mingħajr liċenzja valida u mingħajr polza tal-assigurazzjoni, kif ukoll li kiser diversi kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti, inkluż ordni ta’ probation.
Pace ġie arrestat mill-Pulizija l-Ħadd filgħodu f’Ta’ Xbiex, wara li kien ilu jiġi segwit għal xi żmien.
Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużar ġie mwaqqaf mill-Pulizija waqt li kien ipparkjat fil-parkeġġ tax-Xatt f’Ta’ Xbiex, fejn waqt tfittxija fil-vettura tiegħu nstabu sustanzi suspettati li huma kokaina u kannabis.
Il-Maġistrat Nadia Helena Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mid-difiża, bil-prosekuzzjoni tisħaq li l-akkużat huwa riżediv u għandu rabtiet mal-kriminalità organizzata.
//= $special ?>

