Internazzjonali

Stati Uniti: Investigazzjonijiet intensivi wara sparatura qattiela fl-università ta’ Rhode Island

Il-Pulizija Amerikana qed iżżomm raġel taħt arrest biex jgħin fl-istħarriġ dwar sparatura f’università li swiet il-ħajja ta’ żewġ persuni – b’talanqas għaxra jisfaw midruba,

L-attakk seħħ fil-kumpless universitarju ta’ Providence, f’Rhode Island, bil-pulizija tiddikjara s-sitwazzjoni taħt kontroll wara sigħat ta’ tfittxija għall-aggressur responsabbli.

L-aggressur, tard fil-lejl tas-Sibt, kien fetaħ in-nar fuq numru ta’ studenti fi klassi li tifforma parti mill- Holley engineering building mal-periferija tal-kampus.

Aktar tard, is-Sindku ta’ Providence,  Brett Smiley, qal li talanqas seba’ fost il-midruba kienu stabbli u li kien hemm talanqas vittma f’kundizzjoni kritika.

Filwaqt li ma ħarġux l-identitajiet tal-vittmi tal-attakk, l-awtoritajiet ta’ Brown University ikkonfermaw li l-mejtin u l-midruba huma kollha studenti.

Il-Pulizija, intant, iċċirkulaw il-filmati meħudin mis-CCTV u li juri lir-raġel suspettat liebes l-iswed waqt li miexi ‘il hinn mix-xena tad-delitt.

Il-Pulizija, intant, mhix qed tfittex għal persuni oħrajn li setgħu kienu kompliċi tal-aggressur, bl-uffiċjali tal-korp jissieħbu fil-ħidma tal-prosekuturi għall-ġbir ta’ provi u materjal għall-investigazzjoni.

Mifhum, sadanittant, li l-pulizija qed tillimita l-aċċess għal ċerti zoni tal-kampus hi u għaddejja bl-investigazzjoni.

Dan meta fl-aħħar sigħat, madwar 2,000 student kienu rilokati lejn iz-zoni ta’ sigurtà fil-madwar tal-università u meta kien hemm ukoll  il-familji fl-inħawi li laqgħu wħud minn dawn l-istudenti fi djarhom.