Lokali

“Grazzi tax-xogħol li twettqu” – Alex Borg iżur il-ħaddiema ta’ Net u tal-Partit Nazzjonalista

Kmieni t-Tnejn waranofsinhar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar lill-ħaddiema ta’ Media Link fejn irringrazzjahom tal-ħidma sfieqa li jwettqu ta’ kuljum.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u l-Editur Politiku ta’ Media.Link Michael Piccinino, Alex Borg faħħar il-ħidma kontinwa tal-impjegati li ġurnata wara oħra jagħmlu l-massimu sabiex iwasslu l-aqwa messaġġ possibbli.

Aktar kmieni tul konferenza tal-aħbarijiet li indirizza quddiem id-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif fl-aħħar stħarriġ maħruġ mill-Awtorità tax-Xandir wera kif l-istazzjon tat-televiżjoni Net għall-ewwel darba kien l-aktar stazzjon segwit matul il-ġimgħa f’pajjiżna, aktar mix-Xandir tal-Istat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lil ħaddiema tax-xogħol li jwettqu u sellem lil maħbubin tagħhom li jaqsmu s-sagrifiċju tal-ħin u x-xogħol mal-ħaddiema ta’ Media Link.

Ritratti: Martin Agius