“Is-sitwazzjoni bħalissa hi li l-kumpanija bħalissa mhijiex going concern, ma tistax tkompli taħdem u naħseb li hija legalment insolvent”.
Hekk sostna l-Konsulent finanzjarju u Opinjonista Paul Bonello, il-Ħamis li għadda waqt il-programm Net Live – b’rabta mas-sitwazzjoni fil-kumpanija Malita Investment.
Huwa spjega kif fl-interim accounts tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, joħroġ ċar li l-kumpanija Malita Investments ma kelliex il-finanzjament u faċilitajiet tal-bank biex tħallas id-dejn tagħha.
Matul din l-intervista Paul Bonello stqarr kif preżentament il-kumpanija Malita għandha aktar dejn kurrenti minn assi kurrenti u għalhekk tinsab fi kwistjoni ta’ insolvenza legali. Bonello kompla jgħid kif b’rabta mal-kumpaniji hemm żewġ proviżjonijiet li jipproteġu lill-pubbliku inġenerali u lill-kredituri. Huwa semma liġi li titħaddet fuq kummerċ ħażin – li tgħid li meta d-diretturi kienu jafu jew suppost kienu jafu li l-kumpanija mhux f’pożizzjoni li tħallas id-dejn li qed tikkuntratta… f’dawk iċ-ċirkostanzi il-lijabilità limitata tal-kumpanija tkun spiċċat u d-diretturi jistgħu jinġegħlu jħallsu minn buthom.
Bonello spjega kif tul l-aħħar ġimgħat ġie spjegat għalfejn kienu qed jirriżenjaw id-diretturi kollha mill-Kumpanija Malita Investments – inkluż ic-Chairman Marlene Mizzi li tkeċċiet u Johann Farrugia, Jennifer Falzon u Michele Abela, is-Segretarju tal-Kumpanija l-Avukat Donald Cilia u Albert Cilia li lkoll irriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom.
Bonello Fakkar fil-post li tellgħet fuq Facebook l-Eks MEP Laburista, Marlene Mizzi fejn f’Novembru li għadda kitbet li din tneħħiet wara li huwa inaċċettabbli l-fatt li l-Ministru Roderick Galdes kien qed jindaħal fil-kumpanija Malita Investments, u jiffrekwenta u joħroġ mal-kuntratturi. Bonello saħansita appoġġja bil-qawwa dak li qalet l-istess Marlene Mizzi.
Fid-dawl ta’ mument fejn l-ishma tal-Kumpanija Malita Investments li sa ftit xhur ilu kienu jiswew minn 50-59 ċenteżmu issa niżlu għal 35 ċenteżmu biss, il-Konsulent finanzjarju, Paul Bonello, temm jisħaq li s-sitwazzjoni hija inkwetanti għax-shareholders kollha.
//= $special ?>

