Lokali

Ipokrezija bla limitu mil-Labour – PN

Il-kontijiet finanzjarji tal-PN dalgħodu ġew sottomessi bil-mod kif titlob il-liġi u bl-istess mod li rrapporta l-Partit Laburista stess fl-accounts li ppubblika l-ġimgħa l-oħra

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg żamm il-wegħda tiegħu u ppubblika r-rendikont finanzjarju awditjat tal-Partit Nazzjonalista għall-perjodu ta’ snin bejn l-2021 u l-2024 fi żmien mitt jum minn meta laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Laburista qiegħed jigdeb u jkun ipokrita meta jikkritika lill-Partit Nazzjonalista talli ssottometta l-kontijiet finanzjarji tal-Partit bil-mod kif titlob il-liġi u bl-istess mod li rrapporta l-Partit Laburista stess fl-accounts li ppubblika l-ġimgħa l-oħra.

Il-liġi hi ċara u, bħalma għamel il-Partit Laburista stess, il-finanzi tal-kumpaniji sussidjarji ma jidħlux bħala parti mill-accounts tal-Partit.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fit-trasparenza, u d-dejn akkumulat tal-Partit u l-kumpaniji kummerċjali tiegħu qiegħed fid-dominju pubbliku.

Dan għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li għadu qed jaħbi d-djun tal-kumpaniji kummerċjali tiegħu.

Bl-istess mod, il-Prim Ministru baqa’ jaħbi d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u ta’ sħabu u baqa’ ma ppubblikax l-ispejjeż tal-kampanja tiegħu għal Mexxej tal-Partit Laburista, minkejja li għaddew sitt snin.

Dan huwa l-istess Prim Ministru li l-unika legat tiegħu huwa li se jkun ittrippla d-dejn tal-pajjiż fi żmienu għal xejn inqas minn €14-il biljun.

Ikun aħjar kieku l-Prim Ministru u l-Gvern Laburista jiffukaw fuq id-dejn li qegħdin jgħabbu bih lill-pajjiż.