Lokali

“Irrid nibni partit għal kulħadd sabiex flimkien nibnu l-Malta u Għawdex tagħna” – Alex Borg

“Irrid nibni partit għal kulħadd sabiex flimkien nibnu l-Malta u Għawdex tagħna.”

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg f’intervista li kellu fuq Net Fm f’għeluq il-mitt jum tiegħu.

Fid-diskors tiegħu Alex Borg iddeskriva dawn il-mitt jum bħala kollha pożittivi u li fihom kuljum tgħallem xi ħaġa ġdida.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jisħaq li dan mhuwiex it tmiem, iżda l-bidu ta’ kapitlu mill-sabih.

Huwa tenna kif f’dawn il-mitt jum nibtet tama, entużjażmu u enerġija ġdida li permezz tagħha il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikseb numru ta’ Tragwardi.

B’rabta mal-accounts li ġew ippublikati t-Tnejn filgħodu, Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu aktar assi milli dejn filwaqt li insista dwar l-importanza li jinżammu l-valuri tat-trasparenza u kontabbilta, valuri kruċjali għal governanza tajba li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qed jimxi bihom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, saħaq li kull wegħda li għamel matul il-kampanja kif ukoll dawn il-mitt jum irnexxielu jwettaqha. Hawnhekk semma fost l-oħrajn il- crowdfunding sabiex jiġi ffinanzjata l-ewwel podcast politiku fil-Partit Nazzjonalista.

Huwa fakkar kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienet u se tibqa’ waħda li tqiegħed fiċ-ċentru lin-nies.

Alex Borg irringrazzja lil kull min ipparteċipa u ta d-donazzjoni tiegħu matul il-maratona ġbira ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista sabiex ikun jista’ jkompli jwassal il-viżjoni tiegħu għall-futur ta’ pajjiżna.

Huwa stqarr kif il-pass li jmiss għall-Partit Nazzjonalista huwa li jkompli jattwa l-politika tiegħu billi jibqa’ għaddej bil-kuntatt dirett man-nies.

Finalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi u jipparteċipa għal mass rally barra d-dar ċentrali fis-6:30 ta’ filgħaxija.