“Il-maġġoranza tal-familji jekk ma jkunx hemm għajnuna finanzjarja ma jkollhomx it-tama li jkomplu jgawdu lil xulxin.”
Hekk stqarret il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, waqt il-programm Malta llejla, meta tkellmet dwar l-Istrina – avveninent annwali ta’ solidarjeta nazzjonali.
Hija qalet li minn meta saret President, l-Istrina għaliha tfisser impenn kbir ħafna mhux biss fi żmien il-festi iżda matul is-sena kollha b’attivitajiet li jiġu organizzati.
Il-President ta’ Malta stqarret kif hemm familji, li l-Malta Community Chestfund tkun waqfet magħhom u anke jekk wara ċertu snin ikollhom jaffaċċjaw il-mewt tal-maħbubin tagħhom – jibqgħu jaraw kif se jgħinu lura lil Community Chestfund għax ikunu grati tal-għajnuna li tkun ingħatatilhom.
Dan hekk kif l-għajnuna ma tkunx ngħatat biss lill-marid… iżda lill-familja kollha.
Il-President ta’ Malta saħqet li meta wieħed ikollu l-mard fil-familja, is-sitwazzjonijiet fosthom dawk finanzjarji jinbidlu imma l-Malta Community Chestfund dejjem kellha biex tipprovdi għad-domandi dejjem jiżdiedu fost il-ħafna piżijiet soċjali. Hi saħqet li jekk il-famillji ma jkollhomx l-għajnuna finazjarja, ma jkollhomx it-tama li jkomplu jgawdu lil xulxin.
Mistoqsija dwar xi jfisser il-Milied għaliha, il-President tenniet li l-aktar li wieħed jieħu gost bih huwa meta jkollok it-tfal żgħar jew meta t-tfal jikbru u jkollhom it-tfal tagħhom.
Myriam Spiteri Debono tenniet kif il-Milied mhux kollu hu sabiħ għaliex irridu niftakru fil-morda, f’min qiegħed jiskonta xi sentenza l-ħabs u m’għandux il-libertà u l-anqas ikun mal-familja, f’dawk il-familji li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom.
Il-President fakkret kif f’dan iż-żmien ikun hemm min isofri s-solitudni filwaqt li faħħret l-impenn tal-Caritas li kull sena, fil-jum tal-Milied f’nofsinhar, jorganizzaw ikla għal dawk kollha li jsibu ruħhom waħedhom.
Temmet tgħid li li l-Milied huwa żmien fejn in-nies jirriflettu fuq li għaqda u jittamaw li s-sena li ġejja tkun aħjar minn ta’ qabel.
//= $special ?>

