Internazzjonali

José Antonio Kast… Ammiratur kbir ta’ Trump elett President taċ-Ċile

Il-President ġdid taċ-Ċile, José Antonio Kast, mistenni jdaħħal stil ta’ politika simili għal ta’ Donald Trump fl-Istati Uniti — u wara li hu rebaħ l-elezzjoni fuq kampanja għall-ħarsien tas-sigurtà u l-impenji kontra l-kriminalità u l-immigrazzjoni.

Fil-fatt, Kast hu ammiratur kbir ta’ Trump u mistenni jkun alleat kbir tiegħu filwaqt li jimplimenta programm għall-politika estremista tal-lemin fiċ-Ċile.

Fl-elezzjoni,  Kast għeleb lil Jeanette Jara, il-kandidat tal-Koalizzjoni tax-xellug fil-Gvern.b’aktar minn 58 fil-mija tal-vot. Dan kien ukoll it-tielet tentattiv ta’ Kast għall-Presidenza ta’ dan il-pajjiż Latin Amerikan.

Il-mandat ta’ Kast ifisser ukoll li sar l-akbar swing lejn il-lemin mill-1990 – is-sena meta ntemm tad-dittatorjat militari fiċ-Ċile.

Hu wkoll sinifikattiv li l-President-elett Ċilen kemm-il darba faħħar pubblikament lill-eks-dittatur taċ-Ċile, Augusto Pinochet . Intant, José Antonio  Kast, fl-aħħar sigħat, wiegħed lis-sostenituri li ‘se jagħmel il-ħajja tal-kriminali u d-delinkwenti fil-pajjiż mill-aktar diffiċli’.

Dan wara li, tul il-kampanja, Kast insista bid-diskorsi dwar iċ-Ċile bħala ‘pajjiż li qed jegħreq fil-kaos’ – u fost il-wiegħdiet biex irażżan l-immigrazzjoni illegali filwaqt li jimplimenta l-qtugħ fl-infiq tal-Gvern.