Internazzjonali

Malta fost il-pajjiżi li qed jiddubitaw fl-iskema tas-self  lill-Ukrajna

Malta hi fost grupp ta’ pajjiżi li qed isejħu għal ‘soluzzjonijiet alternattivi’ minflok proċess li jippermetti s-self ta’ biljuni lill-Ukrajna mill-assi friżati tar-Russja…Self magħruf bħala reparations loan u li għandu jgħin biex l-Ukreni jibnu pajjiżhom mill-ġdid ladarba tintemm il-gwerra mar-Russja li ilha minn Frar tal-2022.

Sadanittant,Malta, l-Italja, il-Bulgarija u r-Repubblika Ċeka ingħaqdu mal-Belġju f’din is-sejħa speċifika qabel il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea jiltaqgħu, nhar il-Ħamis,biex jiddeċiedu kif isostnu l-ħteġiet finanzjarji u militari tal-Ukrajna għas-sentejn li ġejjin.

Fil-fatt,il-proposta tal-UE dwar dan il-proċess ta’ self  lill-Ukrajna qed ikun suġġett dejjem aktar għall-pressjoni minn diversi naħat, skont Kaja Kallas li qed tmexxi l-politika barranija tal-Unjoni. Dan ukoll meta aktar pajjiżi qed iżidu leħinhom mal-kor ta’ xettiċiżmu u li, fl-istess ħin, ma jindikax tajjeb għall-Ukreni.. 

Kallas, li għandha r-rwol ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni, qed issostni li s-self lill-Ukrajna fuq l-iskema tar-riparazzjonijiet hu l-aktar għażla kredibbli u li l-Unjoni Ewropea qed tkompli taħdem fuqha minkejja d-diffikultajiet involuti. Hi, fl-aħħar sigħat, issieħbet f’laqgħa fi Brussell għall-Ministri Ewropej tal-Affarijiet Barranin.

Fl-istess ħin, Kallas mhix b’qalba maqtugħa li jista’ jintlaħaq konsensus qabel is-summit tal-Ħamis – u meta l-UE mistennija tikkontribwixxi talanqas €90 billion għall-ħteġiet immedjati tal-Ukrajna.

Madankollu, Malta u l-erba’ pajjiżi l-oħra msemmija qed jesprimu r-riservi dwar dan is-self  u wara li l-Belġju kien oppona mal-ewwel għall-proċess ftit tal-ġimgħat ilu.

Taħt din l-iskema, il-Kummissjoni Ewropea għandha tittrasferixxi l-assi friżati tal-Bank Ċentrali tar-Russja għal entità tal-kreditu lill-Ukrajna…Pjan li jibbaża fuq is-self mingħajr l-interessi…. Intant, l-iskema tesiġi wkoll biex l-Ukrajna tkun mitluba biss li tħallas lura s-self  ladarba Moska taqbel biex tikkumpensaha għall-istraġi kaġunati mill-Magna tal-Gwerra tal-Kremlin fl-artijiet kontrollati mill-Ukreni.

Madankollu, mhux probabbli li l-kriterji tal-pjan inisslu qbil mill-partijiet kollha interessati u, għaldaqstant, mhix qed tkun eskluża xi forma ta’ kompromess.