Lokali

“Miegħek, mija fil-mija” – Alex Borg

“Aħna bdejna rivoluzzjoni. Dan huwa bidu ta’ kapitlu sabiħ għal Partit Nazzjonalista u għal Malta u Għawdex tagħna.”

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fid-diskors tiegħu waqt li indirizza l-folla li inħabret għall-Mass Rally li sar it-Tnejn filgħaxija, barra d-Dar Ċentrali tal-PN – f’għeluq il-mitt jum tiegħu fit-tmexxija.

Fost l-inizjattivi li mmarkaw dawn il-mitt jum, hemm l-inizjattiva NISMA’, il-Youth Think Thank, iż-żieda fit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, effettivà tal-messaġġ, it-tnedija tal-crowdfunding u l-Konvenzjoni Nazzjonali, fost oħrajn.

“Ħbieb din hija l-mentalità rebbieħa li wegħedt. Li flimkien naslu. Li xejn ma jaqtgħalna qalbna li iva, għaliex le. Niżirgħu it-tama u nemmnu li flimkien nistgħu nirbħu.”

Waqt dan ir-rally, il-Kap tal-PN Alex Borg sostna illi l-pubblikazzjoni tal-accounts tal-PN huma xhieda ċara li dak li jwiegħed qed jitwettaq. Hawn, Alex Borg tenna li fil-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed ifassal pjan tat-tnaqqis tad-dejn li għandu l-partit.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg saħaq li l-bidla fil-pajjiż qed tinħass sew hekk kif qed jinbena partit li qed jisma’, jaħseb, jippjana u jikseb ir-riżultati.

Intant, dan ir-rally kien ikkaratterizzat minn entużjażmu kbir fost il-folla li wieġbet għas-sejħa tal-PN. B’mużika u divertiment għall-familja kollha.

Alex Borg ilu minn kemm ilu li ġie elett fit-tmexxija tal-PN jiltaqa’ man-nies, mal-Korpi Kostitwiti, ma’ nies minn kull faxxa tas-soċjetà, laqgħat f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex u anke laqgħat ma jaqtgħux xejn sa tard bil-lejl ma’ nies li qed jersqu lura lejn il-PN.

Mhux hekk biss, iżda Alex Borg xerred sens ta’ tama fil-poplu Malti u Għawdxi u ma waqafx biss mal-kritika lejn il-Gvern – qed iressaq proposti għall-ġid tal-pajjiż, u element pożittiv li qed jinħass sew fost in-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, temm jisħaq “jiena rrid partit li mhux jifred imma jgħaqqad in-nazzjon, jiena rrid partit tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Jien magħkom mija fil-mija.”