Illum qed infakkru l-ewwel mitt jum tiegħi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Imma dawn l-ewwel 100 jum mhumiex il-qofol tat-tmexxija tiegħi, huma biss il-bidu. Għax il-vjaġġ tagħna għadu fil-bidu. Il-bidla bdiet u l-Partit Nazzjonalista qed jissaħħaħ.
U se nkomplu naħdmu biex insaħħuħ aktar ħalli meta jasal il-mument nagħtu lil pajjiżna l-bidla li verament jixraqlu.
Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet barra fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fl-okkażjoni ta’ għeluq il-mitt jum tiegħu fil-kariga ta’ Kap tal-PN.
Pubblikazzjoni tal-kontijiet finanzjarji awditjati tal-PN
Alex Borg spjega dak li l-PN irnexxielu jwettaq fl-ewwel 100 jum tiegħu u fakkar li kif kien wiegħed fil-kampanja għal Kap, proprju aktar kmieni dalgħodu l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali.
Hu qal li kif ikkonfermat mir-rendikont finanzjarju għas-snin bejn l-2021 u l-2024, il-PN għandu aktar assi milli djun waqt li kompla jispjega kif għaddejja ħidma fuq pjan finanzjarju biex is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit tkompli titjieb u d-djun jibqgħu jitħallsu. Hu qal li l-PN se jżid l-introjtu tiegħu mill-każini mingħajr ma biegħ l-ebda każin.
Filwaqt li qal li dan juri t-trasparenza totali min-naħa tal-PN, Alex Borg fakkar kif il-Prim Ministru Robert Abela, għadu s’issa ma ppubblikax id-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri tiegħu, kif ma ppubblikax l-ispejjeż tal-kampanja tiegħu biex laħaq mexxej Laburista minkejja li għaddew sitt snin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista elenka numru ta’ wegħdiet oħra li ġew imwettqa fl-ewwel 100 jum tiegħu fil-kariga.
Ħatra ta’ tim ta’ tmexxija
Fost l-ewwel wegħdiet tal-kampanja għal Kap li twettqet, qal Alex Borg, kien hemm il-ħatra ta’ tim ta’ tmexxija intiż li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tal-PN. Dan kien jinkludi l-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv għall-Partit Nazzjonalista, il-ħatra ta’ Campaign Manager, it-twaqqif ta’ Leadership Delivery Office u anke tisħiħ immedjat tat-tim ta’ madwar il-Kap, bil-ħatra ta’ Chief of Staff.
ELCOM imsaħħaħ u mgħammar b’mod professjonali
Dwar l-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg qal li dan ukoll ġie msaħħaħ u mgħammar b’mod professjonali, b’nies li qed jużaw teknoloġija moderna li tiffaċilita x-xogħol marbut mal-elezzjonijiet, fiċ-ċentru ta’ strateġija li hija data-driven.
Policy Team iddedikat għal Għawdex
Alex Borg fakkar li fl-ewwel ftit ġranet tiegħu bħala Kap tal-PN, hu ħatar Policy Team iddedikat għal Għawdex, li huwa mmexxi minn Karl Buttigieg.
Issoktat l-inizjattiva NISMA’
Dwar l-inizjattiva NISMA’ hu spjega li din ġiet estiża għal diversi setturi tas-soċjetà, inkluż policy-makers, is-soċjetà ċivili, għaqdiet mhux governattivi u l-imsieħba soċjali.
Tnedija ta’ Crowdfunding
Wegħda oħra li Alex Borg għamel u żamm kienet l-inizjattiva tal-Crowfunding – bl-isem TAMA. Inizjattiva li tagħti l-opportunità biex kull min irid ikun parti mill-mixja tal-Partit Nazzjonalista biex flimkien nibnu pajjiż ġdid ikun jista’ jagħmel dan. Fi ftit jiem inġabru €15,000 biex il-PN ikollu podcast tiegħu.
Partit aktar qrib iż-żgħażagħ
Flimkien mal-fergħat taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN u Team Start, għaddejja wkoll ħidma kontinwa biex inressqu aktar żgħażagħ lejn il-Partit Nazzjonalista, qal Alex Borg.
Konvenzjoni Nazzjonali
Biex il-PN ikompli jinfetaħ aktar għall-ideat ta’ kulħadd u biex ikun jista’ joffri gvern alternattiv li jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies, il-Kap tal-PN ħabbar li fi Frar li ġej se tkun qed tiġi organizzata Konvenzjoni Nazzjonali. Din il-konvenzjoni se tkun qed tinkludi diversi persuni, minn diversi oqsma tas-soċjetà tagħna. Matulha l-PN se jkun qed ikompli jisma’, jilqa’ diversi proposti u jibni l-viżjoni tiegħu għal meta jkun fil-gvern – viżjoni li se tkun qed tiġi riflessa fil-programm elettorali.
//= $special ?>

