Bernice Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ
u l-Gvern Lokali
Minkejja li l-Gvern jipprova jagħti l-impressjoni li kollox għaddej tajjeb, il-qasam tal-Kunsill Lokali ilu sejjer lura tul dawn l-aħħar snin.
Dan hu fatt li mhux qed ngħidu jien imma qed jgħiduh dawk involuti f’dan il-qasam, fosthom Sindki u Kunsillieri ġejjin saħansitra mill-kamp tal-PL.
Nuqqas ta’ fondi
Jekk nagħti ħarsa lejn l-accounts li ppreżentaw il-Kunsilli Lokali għas-sena li għaddiet, jidher ċar li l-fondi li qed jagħti l-Gvern lill-Kunsilli Lokali mhumiex biżżejjed.
Minn dawn l-accounts għas-sena 2024, sitta u tlettin (36) Kunsill minn tmienja u sittin (68) iddikjaraw telf tul dik is-sena. Barra minhekk iktar minn nofs il-Kunsilli Lokali jiddikjaraw li ma kellhomx flus biżżejjed biex jgħixu tul is-sena li għaddiet.
Erba’ Kunsilli oħra ddikjaraw bilanċ ta’ inqas minn €1,000 u ħames Kunsilli oħra ddikjaraw bilanċ ta’ inqas minn €10,000. U dan mhux biżżejjed.
Jekk niġbor f’daqqa it-tnejn u tletin (32) Kunsill Lokali li ddikjaraw bilanċ, kollha f’daqqa dawn kellhom bilanċ ta’€1.3 miljun.
Min-naħa l-oħra, jekk niġbor flimkien is-sitta u tlettin (36) Kunsill Lokali li ddikjaraw żbilanċ, dawn kollha f’daqqa kellhom żbilanċ ta’ €4.9 miljun.
Din hi s-sitwazzjoni li għandna fil-Kunsilli Lokali u għall-Gvern, l-importanti hu li lill-Kunsilli Lokali beda jsejħilhom Gvernijiet Lokali.
Nistaqsi: X’għamel dan il-Gvern biex isewwi din is-sitwazzjoni?
Naqqas il-baġit tal-Kunsilli Lokali għas-sena li ġejja b’€6 miljun! Daqshekk jemmen il-Gvern fil-Gvernijiet Lokali tagħna?
Tnaqqis ukoll lill-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali
U qisu dan it-tnaqqis ta’ €6 miljun għall-Kunsilli Lokali ma kienx biżżejjed għaliex anke l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ħadet daqqa fil-baġit tagħha għas-sena d-dieħla billi l-baġit tal-Assoċjazzjoni tnaqqas kważi bin-nofs… daqqa oħra ta’ tnaqqis ta’ aktar minn €300,000.
Sitwazzjoni mwiegħra wkoll fir-Reġjuni
Kemm-il darba wieħed jiffoka ftit ukoll dwar ir-Reġjuni jsib li dawn diġà jinsabu f’qagħda finanzjarjament imwiegħra. Il-vot lir-Reġjuni żdied b’€7 miljun u għalkemm din iċ-ċifra tidher sabiħa tajjeb li wieħed japprezza li diniż-żieda se tmur minn but tal-Gvern għal but ieħor tal-Gvern stess. Għaliex?
Fost l-oħrajn, il-Gvern għabba lir-Regjuni bis-sistema tal-ġbir tal-iskart. Dwar dan li għandu jgħid il-Gvern hu li t-tipping fees għall-iskart imħallat, din is-sena se jiżdiedu b’€20 għal kull tunellatau allura parti sostanzjali minn din iż-żieda ta’ €7 miljun trid tkopri dan il-ħlas addizzjonali.
Ma’ dawn il-ħlasijiet tat-tipping fees, ir-Reġjuni jridu jagħmlu tajjeb ukoll għal xejn inqas minn €600,000) f’pagi lill-maniġers tar-Reġjun. Din l-ispiża ġiet koperta biss b’allokazzjoni speċjali fis-sena 2024 u minn din is-sena li qegħdin fiha jridu jagħmlu tajjeb għaliha r-Reġjuni mill-allokazzjoni tagħhom.
Din l-ispiża preżentament tlaħħaq mas-€600,000 biss għaliex hemm numru ta’ Reġjuni li għandhom numru ta’ maniġers neqsin għaliex kieku din l-ispiża tiżdied ferm iktar.
Il-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar
Sadattant wieħed japprezza li mbagħad hemm il-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar li jolqot l-aktar lill-Kunsilli Lokali.
F’dan il-Fond jinġabru flus (penali) ta’ min jagħmel żvilupp fil-lokal u, pereżempju, ma jkollux garaxxijiet biżżejjed u allura jeħel multa biex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas. Sa hawn m’hemm xejn ħażin.
Dawn il-fondi jistgħu jintużaw, fost l-oħrajn, mill-Kunsilli Lokali. Mela, bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-biża’ tal-Kunsilli Lokali, meta l-Kunsill Lokali jkunu jridu jużaw dawn il-fondi – u hemm Kunsilli Lokali li għandhom miljuni ta’ ewro f’dan il-fond – jintalbu biex joħorġu parti mill-ispiża li tammonta għal madwar għoxrion fil-mija (20%) tal-proġett!
Dan ifisser li hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li minkejja li jixtiequ jużaw dawn il-fondi għall-ġid tal-lokalità, ma jkunux jistgħu jagħmlu dan għax ma jkollhomx flus biex joħorġu l-parti tagħhom.
Biex jieħdu l-mija fil-mija tal-fondi, il-Kunsilli Lokali jkunu jridu jagħmlu l-proġetti flimkien mar-Reġjun u dan hu ħażin; dan mhux rispett lejn l-awtonomija tal-Kunsill Lokali u anqas lejn ir-Reġjuni.
L-indhil mill-Gvern u l-entitajiet tiegħu
Biex kollox jingħaqad flimkien, u għaliex qisu dan kollu mhux biżżejjed, hemm l-indħil bla rażan minn ċerti Ministeri u Awtoritajiet tal-Gvern li jibqgħu għaddejjin minn fuq il-Kunsilli Lokali qishom anqas jeżistu.
Għandna ċirkostanzi fejn Kunsilli Lokali jitolbu li ssir triq iżda l-Awtorità responsabbli tagħmel toroq oħra minbarra dik it-triq.
Awtorità timpika dwar dan hi Transport Malta, fejn Kunsill Lokali jirrakkomanda u jagħmel talba biex issir ċertu triq, iżda Transport Malta tagħmel litteralment bil-maqlub! Tagħmel interventi f’toroq residenzjali mingħajr il-Kunsilli Lokali anqas biss ikunu jafu.
Jittieħdu deċiżjonijiet mill-Gvern jew mill-Awtoritajiet tiegħu u dawn jiġu imposti fuq il-Kunsilli Lokali. Allura bilfors li wieħed jistaqsi: Fejn hi l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali? Hekk nittrattaw lil dawk li qed insejħu Gvernijiet Lokali? Din hija atittudni tal-mistħija u meta l-Kunsilli jmorru għall-protezzjoni ta’ min suppost jaħdem favur il-Kunsilli Lokali jsib biss vojt kbir għax iħalli lill-Kunsilli jfendu għal riħhom.
Ikun hemm każijiet fejn Kunsill Lokali jkollu bżonn jagħlaq triq minħabba xogħlijiet minn kuntratturi u nsibu sitwazzjoni tal-biki. Il-Kunsilli jitolbu għal uffiċjal tal-komunità u r-risposta tkun li s-servizz jista’ jingħata ġimgħatejn jew tlett ġimgħat wara! Dawn huma affarijiet tal-misthija.
Tajjeb li wieħed japprezza li dawn huma l-istess nies li qalulna li kienu ser jġibu l-gwardjani lokali f’aġenzija waħda biex ikunu iktar effiċjenti u kompetittivi! Ir-riżultat hu ineffiċjenza u prezzijiet iktar għolja… falliment ieħor tas-sistema.
Bħalma hi falliment ukoll is-sistema tal-ġbir tal-iskart li impona l-Gvern fuq il-Kunsill Lokali u fuq ir-Reġjuni u tant din is-sistema hi falliment li qed isiru ħafna u ħafna lmenti dwar kif qed isir il-ġbir tal-iskart.
Pajjiżna jixraqlu ferm aħjar
Nemmen bis-sħiħ li fir-rigward ta’ dan is-settur tant importanti għal pajjiżna li jixraqlu ħafna aħjar. Nemmen ukoll li min qed imexxi dan il-qasam għandu jżomm fuq in-naħa tal-Kunsilli Lokali u mhux bil-kontra. Hu d-dover tal-Ministru u s-Segretarju Parlamentari konċernati li jaraw li l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali ma tibqax mhedda.
Iridu jaraw ukoll li l-Kunsill Lokali ma jibqgħux jiżżarmaw la mil-lat finanzjarju u anqas mir-responsabbilitajiet tagħhom. Rajna tul is-snin li l-PL ilu fil-Gvern, kif b’mod sistematiku tneħħew lill-Kunsilli numru ta’ responsabbilitajiet bħat-toroq, il-ġbir tal-iskart, is-sistema ta’ infurzar.
Sadattant rajna ndħil sfaċċat mill-Gvern u l-Kunsill Lokali jiġu ridotti għal customer care bil-Gvern Ċentrali jkompli jaħtaf il-poter u l-kontroll.
Minkejja dan kollu, nassigura lil dawk kollha involuti – ħafna minnhom voluntieri ddedikati – li minkejja dak li qed jiġri mill-Gvern f’dan il-qasam, il-PN jibqa’ jemmen fil-Kunsill Lokali u l-mument li nkunu fil-Gvern, il-Kunsilli Lokali jingħataw lura d-dinjità li kellhom; l-awtonomija li kienu jgawdu u naraw li b’mod partikolari, is-Sindki u l-Kunsillieri jkollhom ir-rispett kollu li jixirqilhom.
Lir-Reġjun tagħna, nassigurhom li bil-PN fil-Gvern, ir-responsabbiltajiet tagħhom jikbru mhux billi jittieħdu responsabbiltajiet tal-Kunsill Lokali u jmorru għand ir-Reġjuni iżda billi l-Gvern jitlaq minn idejh numru ta’ responsabbiltajiet u jiġu mgħoddija lir-Reġjun.
B’dan il-mod trid issir il-ħidma u hekk se ssir. Dan il-Gvern ġab sitwazzjoni fejn il-Kunsilli Lokali jibżgħu li għada jew pitgħada jkomplu jitteħdulhom ir-responsabbiltajiet biex imorru għand ir-Reġjun. Din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb u żgur li dan ma jsirx taħt Gvern Nazzjonalista.
Il-ħidma kbira li qed issir mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali trid tiġi apprezzata u dan hu dak li se nkomplu nagħmlu anke mill-Oppożizzjoni.
Il-Kunsilli Lokali qegħdin hemm biex ir-residenti tagħna jkunu moqdija dejjem aħjar. Il-Kunsilli Lokali tagħna mhumiex customer cares tal-Gvern iżda huma Gvernijiet Lokali li jgawdu l-awtonomija. U l-PN hu lest li jerġa’ jagħti lura din id-dinjità lil dawn il-Kunsilli Lokali u lir-Reġjonali għaliex iktar ma jkollhom poteri, iktar ikunu jistgħu jiddeċidu favur il-lokalitajiet tagħhom u jgħinu lir-residenti tagħhom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

