Opinjoni

Opinjoni: L-ewwel 100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap

Prof. Tonio Borg

L-elezzjoni ta’ Alex Borg bħala Kap tal-PN kellha ħafna sinifikat. L-iżgħar fl-età bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel Kap tal-PN mill-gwerra lil hawn li hu Għawdxi mwieled Għawdex. L-ewwel backbencher li ġab iktar minn 6,000 vot l-ewwel darba li ħareġ fl-età ta’ 27 sena.
Kien hemm ħafna li ddubitaw kemm persuna daqshekk żgħira fl-età setgħet tmexxi partit ta’ massa, li għalkemm illum jinsab fl-oppożizzjoni għandu għeruq sodi fis-soċjetà Maltija.
Il-fatti wrew mod ieħor. Hemm ċerti affarijiet li tħosshom ġo fik. Ma hemmx bżonn statistika. Dan ir-riħ ta’ tiġdid jinħass mal-partit kollu, iżda wkoll mal-pajjiż.

L-ewwel mertu tal-Kap il-ġdid
L-ewwel mertu tal-Kap il-ġdid huwa li hu kalamita politika. Għandu xi ħaġa ġo fih li tiġbdek, u li meta tkellmu tħossok li inti l-iktar persuna importanti għalih. Ftit għandhom dan id-don. Dan id-don għenu sabiex jistabbilixxi ruħu malajr fix-xena politika Maltija. Tieħu l-impressjoni li għalih il-ġurnata fiha iktar minn 24 siegħa. Filgħodu, waranofsinhar, filgħaxija, huwa dejjem qrib in-nies. Fil-pjazez u toroq fil-ħwienet tal-merċa, swieq u postijiet ta’ divertiment, ma’ min hu batut, dgħajjef jew emarġinat fis-soċjetà. Li jservi l-ikel fis-soup kitchen mal-imwarrbin għalih hu ġest naturali mhux wieħed ta’ pożi.
Reġa’ iggalvanizza l-partit. Dan rajnieh b’każini magħluqa li reġgħu nfetħu. Iktar persuni u l-iktar żgħażagħ jerġgħu jersqu lejn il-partit. Żieda sostanzjali fit-tesseramenti. Kampanji ta’ crowd funding – l-ewwel waħda kienet suċċess kbir. Għandu għajn ta’ seqer fuq il-midja soċjali ġodda tant li l-ewwel proġett kien proprju podcast għall-PN. Fil-ġabra maratona tal-ħarifa nqabżet is-somma ta’ nofs miljun ewro. Fid-diskors tal-Baġit wera li hu politiku prekoċi, li jaf iżewweġ is-sustanza u l-fatti mas-sarkażmu, u jaf jikxef l-iskandli u wegħdiet li baqgħu fl-arja, b’ċertu stil. Dawk li ħasbu li se jfalli “għax żgħir”, għarralhom.

Xejn ma jiġri.b’kumbinazzjoni
Dawn l-affarijiet kollha ma kinux kumbinazzjoni, iżda frott il-ħidma tiegħu, tas-sieħba u spalla tiegħu, simpatika u akkoljenti, Sarah, u tas-Segretarju Ġenerali u membri oħra tat-tmexxija. Le ma hawn xejn b’kumbinazzjoni. Il-manna fil-politika ma taqax waħedha mis-sema.
Prova ċara tas-suċċess tal-100 jum huma l-attakki feroċi mill-istampa avversarja. Iżda f’Alex Borg sabu kap żagħżugħ, persuna kalma li twieġeb id-domandi, anki l-iktar skabrużi bi tbissima. Is-sondaġġi għalhekk urew li f’temp qasir, Alex Borg daħal fil-qlub ta’ nies li kienu mbegħdin jew mill-politika jew mill-PN. Nies li ilhom ’il bogħod resqu viċin lejn il-partit. Wera li l-partit hu hemm għal kulħadd. Partit verament Nazzjonali. Il-bibien huma miftuħa beraħ għal kull min irid jara bidla fit-tmexxija tal-pajjiż. U ma ninsewx, kif qal il-Kap, il-Partit Nazzjonalista biss u ħadd iżjed ma jista’ jġib bidla fil-gvern. Kull vot ieħor huwa vot sabiex nibqgħu kif aħna.

Għad fadal xi jsir
Iva, għad fadal iktar xi jsir. Kif jgħid il-Malti, it-tiġrija hija sal-barkun. Iżda Alex Borg telaq jiġri f’din it-tellieqa. Kif jgħidu l-Ingliżi “he hit the ground running”. Mhux ta’ b’xejn li Laburisti ewlenin wissew lill-partit tagħhom biex joqogħdu attenti. Saħansitra l-Eks Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat wissa li l-Partit Laburista jagħmel ħażin jekk jissottovaluta lil Alex Borg kif il-PN għamel miegħu meta ġie elett Kap tal-PL fl-2008.
Jekk dawn l-ewwel mitt jum huma riga għall-futur, allura l-ġejjieni hu sabiħ. L-aqwa sondaġġ politiku, dak tal-elezzjoni ġenerali, għandu juri li Alex Borg ġab bidla fil-mentalità, fil-mod ta’ kif issir il-politika.
Hu jirrappreżenta ġenerazzjoni żagħżugħa li tiddejjaq bil-gimmicks, bl-arroganza ta’ min inqata’ mill-bżonnijiet veri tal-poplu. Minn politika ta’ denigrazzjoni b’mezzi inġenti ġejjin minn sorsi li jkunu qrib il-Gvern għax hekk jaqblilhom.
Alex Borg qed iwiegħed stil ġdid. Jekk dan kollu sar fl-ewwel 100 jum, il-jiem ġimgħat u xhur li ġejjin jawguraw tajjeb.
Prosit Kap.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 15  ta’ Diċembru, 2025.