Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ mutur tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fil-Mosta


Raġel ta’ 57 sena residenti l-Mosta, tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fil-Mosta.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-07:00 ta’ filgħodu, fi Vjal il-Qalbiena Mostin.


Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Ford Transit misjuq minn raġel
ta’ 65 sena residenti Ħad-Dingli u mutur KTM misjuq mill-vittma.


Ix-xufier tal-mutur minnufih ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei
b’ambulanza. Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.


Żewġ tfal minuri li kienu fil-vann tal-għamla Ford ma sofrewx ġrieħi filwaqt li x-xufier ittieħed
fl-eqreb ċentru tas-saħħa minħabba xokk.


Il-Maġistrat Monica Borg Galea, ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.