Internazzjonali

Wara l-Massakru ta’ Bondi: L-Awstralja impenjata għar-riformi drastiċi tal-liġijiet għall-ġarr tal-armi

i

Il-poplu Awstraljan għadu qed jipprova jistejqer mix-xokk wara l-agħar attakk fl-istorja dirett għall-komunità tal-Lhud f’dan il-pajjiż….Attakk li fih żewġ terroristi –missier u iben – fetħu n-nar fuq folla ta’ mijiet ta’nies li kienu qed jiċċelebraw festa ewlenija fil-Bajja ta’ Bondi, fl-inħawi ta’ Sydney.

Il-festa ta’ Hanukkah hi l-aktar importanti fil-kalendarju tal-Lhud u ma damitx ma nbidlet fi ħmar il-lejl meta t-terroristi, nhar il-Ħadd, bdew jisparaw minn pont għal fuq in-nies waqt iċ-ċelebrazzjoni.

Is-sens ta’ luttu, sadanittant, qed jinbidel f’wieħed ta’ rabja, meta għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar il-massakru li, skont l-aħħar konferma, sewa l-ħajja ta’ 15-il persuna, b’ħafna oħrajn jispiċċaw midruba; uħud kritikament.

Wieħed mill-allegati aggressuri wkoll tilef ħajtu ftit wara l-isparatura, bl-aħħar rapporti jsostnu li talanqas 30 feruti qed jinżammu l-isptar għall-kura. Fost il-maqtula hemm tifla ta’ għaxar snin, Rabbi ( reliġjuż tal-Lhud) imwieled l-Ingilterra u anzjan li kien salva mill-Olokawst tan-Nażisti matul it-Tieni Gwerra. 

L-aggressuri, issa, huma konfermati bħala Sajid Akram, ta’ 50 sena, u ibnu Naveed, b’tal-ewwel jinqatel mill-puliizja li sparawlu diversi tiri malli waslu fuq il-post. Dan ukoll fost indikazzjonijiet li nstabu xi bnadar u materjal ta’ propaganda tal-grupp terroristiku ISIS fil-karozza tal-qattiela – għalkemm numru ta’ sorsi qegħdin jiċħdu dwar dan.

Filwaqt li l-pulizija qed ikomplu jiżviluppaw il-profili tal-missier u l-iben, mistenni li jitressqu l-akkużi formali dwar qtil tal-massa fil-konfront ta’ Naveed, li, nhar il-Ħadd, spiċċa midrub u arrestat fuq il-post.

Mifhum li l-missier u l-iben użaw numru ta’ armi tan-nar liċenzjati għall-massakru,bil-pulizija, fl-aħħar sigħat, jelevaw is-sitt arma flimkien ma’ xi tagħmir splussiv mill-crime scene ta’ Bondi.

U filwaqt li l-Mexxejja minn madwar id-dinja qed jesprimu niket u solidarjetà mal-komunitjiet tal-Lhud fl-Awstralja, il-Prim Ministru Awstraljan, Anthony Albanese, tkellem mill-ġdid dwar l-attakk bħala ‘azzjoni ta’ ħażen indeskrivibbli’. Hu anki ħalef biex jiddedika r-riżorsi kollha tal-pajjiż għall-protezzjoni tar-residenti Lhud fl-Awstralja.

Albanese qal li l-aggressuri ma kenux parti integrali ta’ entità terroristika iżda,fl-istess ħin ,kienu motivati minn ideoloġija estremista u qattiela.

Il-Kabinett Awstraljan, intant, iltaqa’ b’urġenza biex jindirizza l-kriżi fost qbil li tinħtieġ azzjoni b’saħħitha, deċiżiva u konċentrata għall-implimentazzjoni tar-riformi drastiċi rigward il-liġijiet għall-ġarr tal-armi…. Dan bi tweġiba immedjata għall-għajta tal-poplu – bil-Prim Ministru ta’ New South Wales, Chris Minns, jimpenja ruħu biex jintroduċi l-aktar leġislazzjoni riġida dwar l-armi tan-nar fl-Awstralja kollha.

Mijiet ta’ Awstraljani, fl-aħħar sigħat, kienu qed iqiegħdu l-fjuri f’diversi siti madwar il-‘bajja tal-mewt’ u fil-Bondi Pavilion u fejn ix-xeni ta’ dulur kienu kbar u kommoventi.

L-aggressjoni storika kontra l-Lhud fl-Awstralja anki nisslet il-kundanna tal-Oppożizzjoni federali – bil-Kap, Sussan Ley, tinsisti li l-awtoritajiet ‘fallew milli jipproteġu lill-Awstrljani Lhud’.

Dan meta diversi uffiċjali u sorsi qrib il-Gvern qed jammettu li ħassew li massakru bħal dan fil-pajjiż seta’ kien inevitabbli minħabba l-mewġa qed tikber tal-antisemitiħżmu qalb is-soċjetà Awstraljana.

Sadanittant, il-Prim Ministru Albanese ċaħad kategorikament il-kummenti tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li l-massakru ta’ Bondi kien marbut mal-fatt li l-Awstralja rikonoxxiet formalment lill-Istat tal-Palestina. Fl-istess ħin,il-Ministeru Palestinjan għall-Affarijiet Barranin ukoll ikkundanna l-massakru, fost l-istqarrija li ‘l-awturi ta’ dan it-terrur ma jirrappreżentawx il-valuri tal-Palestinjani’.