Internazzjonali Sport

21 sena u sitt xhur ħabs għal raġel li f’Mejju li għadda saq fuq partitarji ta’ Liverpool

Raġel li weġġa’ 134 persuna meta saq karozza f’nofs folla nies, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħ tal-Premier League Ingliż minn Liverpool, ġie kkundannat għal 21 sena u sitt xhur ħabs.

Paul Doyle, ta’ 54 sena, kien qed isuq lejn iċ-ċentru tal-belt minn daru f’Croxteth, Liverpool, biex jiġbor xi ħbieb mill-parata, li kienet qed tiċċelebra r-rebħ tal-Kampjonat mill-partitarji ta’ Liverpool, fis-26 ta’ Mejju li għadda, meta “tilef sabru” u saq il-Ford Galaxy tiegħu direttament fuq partitarji li kienu qed imorru lura d-dar wara ċ-ċelebrazzjonijiet.

Filmati mid-dashcam tal-vettura, li ntwerew fil-qorti, urew partitarji jittajru fuq il-bonnet tal-karozza jew jaqgħu taħtha hekk kif Doyle aċċellera l-vettura tiegħu f’Water Street, li kienet magħluqa għat-traffiku, għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija.

Doyle, li seta’ jinstema’ fil-filmati jisħet u jgħajjat lill-partitarji biex “jitbiegħdu”, inizjalment kien ċaħad 31 akkuża kontra tiegħu.

Iżda x-xahar li għadda, ftit qabel mal-prosekuzzjoni kienet se tiftaħ il-każ tiegħu, hu bidel il-pleġġ tiegħu u ammetta l-akkużi kollha kontra tiegħu.

Doyle beda jibki hekk kif ammetta l-ħtija għal sewqan perikoluż, imġiba vjolenti, 17-il akkuża ta’ attentat li jikkawża ġrieħi gravi b’intenzjoni, disa’ akkużi ta’ ksur ta’ ġrieħi gravi b’intenzjoni u tliet akkużi ta’ feriment b’intenzjoni.

It-29 vittma msemmija fl-att ta’ akkuża kellhom etajiet li jvarjaw minn sitt xhur sa 77 sena.