Wara pressjoni enormi mill-Partit Nazzjonalista, l-attivisti, l-voluntieri u l-għaqdiet non-governattivi, 20 kelb tat-tip pitbull mhux ħa jkunu qed jintbagħtu lejn l-Italja.
Propju ftit tal-jiem ilu, kien il-Partit Nazzjonalista permezz tas-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Annimali Janice Chetcuti li żvelat li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-annimali, Alicia Bugeja Said, minn wara dahar kulħadd – iddeċidiet li tibgħat 20 pitbull lejn l-Italja.
Dan kienet se tagħmlu sabiex teħles lill-Animal Welfare minn dawn il-klieb.
Madanakollu, l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Janice Chetcuti tkellmu mal-Kummissarju għall-Annimali Fleur Abela, u rrakkomanda illi din titla l-Italja sabiex tara l-kundizzjonijiet tax-shelter li kienu se jmorru dawn il-pitbulls.
Fleur Abela, ħadet dan il-parir u għaldaqstant, matul il-jum tat-Tnejn marret Napli u qablet illi x-shelter li fihom kienu se jsibu ruħhom dawn il-klieb mhux ta’ standard adekwat sabiex dawn imorru.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet spjegaw illi, meta l-PN żvela illi dawn il-klieb kienu se jmorru l-Italja fuq ordni ta’ Alicia Bugeja Said, is-Segretarju Parlamentari kienet kostretta tmur lura mid-deċiżjoni tagħha.
L-istess sorsi spjegaw illi dawn il-klieb se jkunu qed jibqgħu f’pajjiżna. Iżda Alicia Bugeja Said diġa’ nefqet għexieren ta’ eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex dawn il-klieb jitwasslu Napli.
Eluf ta’ ewro li skont numru ta’ attivisti li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegaw li setgħu jintefqu f’persuna speċjalizzata li tgħallem lil dawn il-pitbulls, jew inkella anke setgħu jingħataw lill-NGOs Maltin sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom mal-annimali.
//= $special ?>

