Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ għaddej; qed jipprova jinganna lid-dilettanti u jaħtaf art privata bl-emendi għall-Avviż Legali li ressaq

Qed jilgħab bil-futur tad-dilettanti ta’ delizzji tradizzjonali u s-sidien ta’ art privata

Fil-Parlament illum il-Partit Nazzjonalista vvota favur il-protezzjoni tad-delizzji tradizzjonali Maltin u favur li art ta’ sidien privati ma tiġix maħtufa mill-Gvern. Għaldaqstant l-Oppożizzjoni vvutat kontra l-liġi li tissogra l-ġejjieni kemm tad-dilettanti ta’ delizzji tradizzjonali kif ukoll ta’ sidien ta’ art privata.

Fi stqarrija Toni Bezzina, ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd u Charles Azzopardi, ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali u għad-Delizzji, il-PN qal li fiwaqt li l-Partit Nazzjonalista huwa kompletament favur il-protezzjoni ta’ art agrikola, mhuwiex favur restrizzjonijiet li jipprojbixxu l-użu ta’ art agrikola għal delizzji tradizzjonali kif ukoll li art privata tittieħed mill-Gvern biex jgħaddiha lil min irid hu.

Jekk wieħed jixtarr sewwa l-emendi li ressaq il-Gvern waqt id-dibattitu dwar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jiġi emendat l-Avviż Legali 150 dwar il-Protezzjoni tal-Art Agrikola – u li dwaru ttieħed il-vot fil-Kamra tar-Rappreżentanti dalgħodu – wieħed faċilment jinnota li minflok indirizzaw in-nuqqasijiet li kellu l-Avviż Legali u ppruvaw isibu l-bilanċ meħtieġ bejn il-protezzjoni tas-settur agrikolu u t-tgawdija tad-delizzji tradizzjonali Maltin, dawn l-emendi aktar iggravawhom.

Tant hu hekk li bl-introduzzjoni tal-kliem “inkluż il-prattika tad-delizzji” f’Artiklu 8 fl-emendi li ressaq il-Gvern, minflok eżenta l-prattika tad-delizzji tradizzjonali Maltin minn dawn ir-regolamenti, aktar aċċenna l-fatt li l-prattika tad-delizzji tradizzjonali ma għandhiex tinterferixxi ma’ attivitajiet agrikoli.

Agħar minn hekk, ma kienx bizzejjed li ma tiġix irreġistrata l-art biex il-Gvern jieħu art privata biex jagħtiha lil terzi, għax biż-żieda tal-kliem “u ma tkunx mantnuta skont ir-Regolament 5 f’Artiklu 9”, jekk art agrikola ma tkunx mantnuta, il-Gvern issa jista’ jaħtafhielek ukoll.

Filwaqt li l-intenzjoni li nipproteġu l-art agrikola żgur li hija waħda li l-Oppożizzjoni taqbel magħha, dan ma jfissirx li dan għandu jsir a skapitu ta’ dak li jagħtina identità bħala pajjiż, u għandu jinżamm bilanċ bejn dawn id-delizzji u l-agrikoltura kif dejjem sar għal mijiet ta’ snin.

Dan apparti l-fatt li l-Avviż Legali, u aktar u aktar l-emendi tal-Gvern, imorru kontra l-prinċipju sagrosant tal-pussess u t-tgawdija ta’ art privata, sostna l-PN.

Il-parlament aġġorna għall-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u se jerġa’ jiltaqa’ fl-14 ta’ Jannar 2026.