Internazzjonali

Il-Massakru fl-Awstralja: Indikazzjonijiet li  t-terroristi setgħu ngħataw taħriġ militari fil-Filippini

Il-Pulizija fl-Awstralja għadha qed tinvestiga l-aħħar movimenti tal-missier u l-iben li, nhar il-Ħadd, sparaw għal fuq il-folol li kienu qed jiċċelebraw festa importanti għal-Lhud fil-Bajja ta’ Bondi, f’Sydney… Attakk li rriżulta f’16 mejtin u numru kbir tal-midruba u meta l-Prim Ministru tal-Istat ta’ New South Wales qed jiċħad kritika għal kif il-pulizija rreaġew għall- azzjoni terroristika.

Sadanittant, tneħħa kull ħjiel ta’ dubju li l-qattiela kienu indottrinizzati bl-ideoloġija tal-ISIS – bil-pulizija tikkonferma mija-fil-mija s-sejba tal-bnadar tal-ISIS, flimkien mal-isplussivi fil-vettura taż-żewġ terroristi.

Il-qattiela, Sajid Akram ta’ 50 sena u ibnu Naveed, ta’ 24 sena, ma kellhomx rekord kriminali u, fil-verità, ħadd ma seta’ jobsor il-feroċità ta’ dan l-attakk, Intant, Sajid Akram spiċċa maqtul mill-pulizija fuq il-post tar-reat, b’Naveed jispiċċa midrub kritikament.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li Naveed Akram, fl-aħħar sigħat, qam minn koma fl-isptar u fis-sigħat li ġejjin mistenni li jkun interrogat fuq il-motivazzjoni wara l-attakk.

Il-Pulizija Awstraljana anki qed jinvestigaw żjara li l-missier u l-iben kienu għamlu fil-Filippini, xi xahar qabel l-isparatura li xukkjat lid-dinja.

Qed ikun allegat li Sajid u Naveed Akram marru f’dan il-pajjiż biex jingħataw forma ta’ taħriġ militari.

L-awtoritajiet Awstraljani, issa, żvelaw li Sajid Akram mar jgħix fl-Awstralja fl-1998 u li l-familja tiegħu, fl-Indja, qed tiċħad li qatt kellha l-idea li hu kien spiċċa radikalizzat bl-ideoloġija tal-ISIS.

Fl-aħħar sigħat ukoll, Chris Minns, il-Prim Ministru ta’ New South Wales, kompla jiddefendi ir-‘rapid reaction’ tal-pulizija waqt l-eqqel tat-terrur filwaqt li enfasizza li l-uffiċjali tal-liġi aġixxew ‘bi qlubija u integrità kbira’.

Dan wara li xi nies li kienu fil-Bajja ta’ Bondi waqt li kien għaddej il-massakru sostnew li l-pulizija kienu damu wisq biex jinnewtralizzaw it-theddida taż-żewġ terroristi.

Chris Minns, li fil-preżent jinsab taħt pressjoni kbira mill-media, fakkar li żewġ pulizija li intervjenew minnufih biex iwaqqfu lill-qattiela spiċċaw f’sitwazzjoni kritika wara li qalgħu diversi tiri,

Il-Prim Ministru ta’ New South Wales qed jinsisti li l-pulizija ma qalgħux it-tiri f’darhom waqt li kienu qegħdin jiġru ‘il hinn u li huma ssugraw ħajjithom biex isalvaw il-ħajja ta’ daqstant nies innoċenti.

Madankollu, żdiedu wkoll id-dubji dwar jekk kienx hemm livell adekwat ta’ sigurtà f’Bondi Beach qabel l-isparatura tal-Ħadd.

Min-naħa tiegħu,  Chris Minns qal li kulmin qed jgħaġġel għall-konklużjonijiet dwar ir-reazzjoni tal-pulizija qiegħed juri disrispett kbir lejn l-uffiċjali li konfrontaw lill-aggressuri waqt il-mument tal-prova.