F’ċerimonja li saret fi Strasburgu, il-President Roberta Metsola tat il-Premju Sakharov 2025 lir-rappreżentanti taż-żewġ ġurnalisti, li jinsabu l-ħabs fil-Belarussja u fil-Ġorġja. Net Television kien fi Strasburgu u saqsa lill-President Metsola x’ħidma qed issir biex jiġu protetti l-ġurnalisti.
Fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ippreżentat il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lir-rappreżentanti taż-żewġ ġurnalisti, li jinsabu l-ħabs fil-Belarussja u fil-Georgia. Quddiem plenarja mimlija MEPs, il-President Metsola onorat lill-ġurnalisti Andrzej Poczobut u Mzia Amaglobeli b’rikonoxximent tal-ġlieda kuraġġuża tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u l-futur demokratiku tal-Belarussja u l-Ġorġja.
Fid-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-Parlament qed iżid l-isforzi tiegħu biex jgħin lil dawk li qed ifittxu li jibnu futur demokratiku.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li d-determinazzjoni tagħna se tkun ekwivalenti daqs il-kuraġġ tagħna lejn dawk li nżammu l-ħabs inġustament u ta’ dawk li għadhom isofru fil-ħabs. Se nkomplu nagħmlu pressjoni sakemm kulħadd jinħeles. Mhux se ninsewhom, qatt mhu se nabbandunawhom. Sakemm l-era tad-dittaturi finalment tintemm.
Bħalissa, iż-żewġ ġurnalisti jinsabu l-ħabs u qed jiġu ppersegwitati minħabba l-ħidma ġurnalistika tagħhom kontra t-tmexxija oppressiva f’pajjiżhom.
Intant, Net News staqsa lill-President Metsola dwar il-ħidma li qed issir mill-Parlament Ewropew waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem għexieren ta’ ġurnalisti minn madwar l-Ewropa.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet ukoll li naf kemm intom il-ġurnalisti u kollegi tagħkom tgħaddu minn sfidi, tgħajjir u theddid biex twettqu xogħlkom. Bħala Maltin, nafu minn xiex għadda pajjiżna bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Pero’ dawn l-isfidi m’għadhomx jaqtgħulna qalbna. Il-Parlament Ewropew diġa’ għadda numru ta’ liġijiet – inkluż id-Direttiva kontra l-iSLAPP u l-Media Freedom Act biex jipproteġi lill-ġurnalisti. U mhux se nieqfu hawn.
Il-President Metsola temmet tgħid li d-demokrazija tista’ tkun protetta biss jekk il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħlhom fil-liberta’ Mingħajr indħil u mingħajr theddid.
//= $special ?>

