Theddid bil-Qorti, tgħajjir u għajjat sfrenat, kif ukoll emails ma jispiċċaw qatt. Dan huwa s-sentiment li qed jiddomina l-Kunsillieri Laburisti fi ħdan il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, hekk kif kunsillier Laburista akkuża lis-Sindku Laburista li ħallas sabiex sab ruħu Sindku fil-Belt kapitali ta’ Malta.
F’laqgħa mimlija għajjat, storbju u ġlied esaġerat bejn il-kunsillieri tal-Labour fil-Belt Valletta – il-kunsillier Laburista Ray Azzopardi għamel allegazzjoni mill-aktar inkwetanti fil-konfront tal-kollegi tiegħu.
“Qażżist lil kulħadd” – Alfred Zammit lil Ray Azzopardi
Fejn dan iddikjara li Sindku Laburista ħallas il-flus sabiex sab ruħu jmexxi l-Belt Kapitali ta’ pajjiżna. Dan mingħajr ma ndika jekk kienx qed jirreferi għal Olaf Mckay jew għal Alfred Zammit.
F’din il-laqgħa li saret il-ġimgħa li għaddiet, is-Sindku Laburista Olaf Mckay, Alfred Zammit u anke Ray Azzopardi nfexxew f’għajjat isteriku u tgħajjir bla limitu.
Intant, Olaf Mckay ried din l-allegazzjoni serja mniżżla fil-minuti – deċiżjoni li qanqlet aktar għajjat u tgħajjir.
Waqt din il-laqgħa, l-Eks Sindku Laburista Alfred Zammit allega illi dak li kien Viċi Sindku tiegħu – illum kunsillier, Ray Azzopardi – xehed falz fil-Qorti Maltija.
Għand Net News waslu wkoll numru ta’ emails li għaddew bejn il-Kunsillier Laburista Daniel Diacono u s-Sindku Laburista Olaf Mckay.
Dawn l-emails juru l-qasma mill-aktar evidenti, u l-ġlied bejn il-kunsillieri kollha. Bi Diacono, jattakka l-istil ta’ tmexxija ta’ Olaf Mckay. Fejn is-Sindku spiċċa rrefera lill-kollega tiegħu għall-monitoring unit.


