Ir-Russja qed tirranka l-attakki bil-missili ballistiċi u d-drones fuq l-infrastruttura tal-enerġija fl-Ukrajna u meta l-Kremlin qed jaħseb biex iħalli lill-poplu Ukren kompletament vulnerabbli quddiem il-qilla tax-xitwa.
U waqt li l-gwerra fl-Ukrajna riesqa lejn ir-raba’ sena, l-awtoritajiet fi Kiev u bliet Ukreni oħra qed jammettu li l-kumpanniji lokali għall-provvista tad-dawl ma jistgħux ilaħħqu mad-diffikultajiet b’riżultat tal-assedju kontinwu fuq dawn il-faċilitajiet.
Jidher ukoll li l-poplu Ukren se jkollu jbati ġimgħat u xhur taħt l-elementi kiefra meta r-Russja ma tidhirx disposta li tikkommetti ruħha għal waqfien mill-ġlied, anki fuq bażi temporanja.
Dan fost rapporti li għexieren ta’ eluf ta’ residenti fil-belt Ukrena ta’ Odesa ilhom il-ġranet mingħajr l-elettriku wara sensiela ta’ attakki koordinati fuq il-grid tal-enerġija fl-inħawi.
L-akbar entità fl-Ukrajna li tipprovdi l-enerġiija lid-djar issa spiċċat fi kriżi permanenti, bir-Russi qed jenfasizzaw l-istrateġija intiża biex tipparalizza dan ir-riżors għall-Ukreni għat-tul taż-żmien.
Fl-istess ħin, il-qtugħ tad-dawl madwar l-Ukrajna qed jiżdiedu, bit-temperaturi qegħdin jinżlu sew taħt iz-zero. Intant, il-kelliema għal kumpannija li tipprovdi s-servizzi tad-dawl lil kważi sitt miljun Ukren qalu li l-intensità tal-attakki tar-Russi għamlitha kważi impossibbli biex il-faċilitajiet jiffunzjonaw b’mod aċċettabbli
Dan ukoll meta l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ammetta ċar u tond li l-President Russu, Vladimir Putin, hu konxju mill-fatt li l-kesħa tax-xitwa kapaċi tkun waħda mill-aktar armamenti effettivi tal-Kremlin. Fil-fatt, it-Tmexxija f’Moska qed tagħmel minn kollox biex tiddemoralizza l-moral tal-poplu Ukren wara li l-Ukrajna ilha daqstant snin tirreżisti l-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet ta’ Putin.
Fil-preżent, tlett faċilitajiet nukleari kbar qed jissupplixxu 50 fil-mija tal-enerġija tal-Ukrajna u meta l-attakki konsistenti tar-Russi qegħdin iwettqu l-ħsarat kważi rreparabbli lin-network li tittrasferixxi d-dawl lejn id-djar tal-poplu.
Impenjati biex ikomplu jgħinu lill-Ukrajna
Il-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, esprima sodisfazzjon dwar il-progress fin-negozjati mar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti wara jumejn ta’ taħditiet, f’Berlin.
Dan meta l-Mexxejja tal-Ewropa mill-ġdid esprimew impenn biex jgħinu lill-Ukrajna f’każ ta’ attakk futur mir-Russja…Impenn intiż biex itemm ċiklu ta’ aggressjoni li ilha għal aktar minn għaxar snin.
Madankollu għad fadal id-domandi dwar il-futur tat-territorji tal-Ukrajna okkupati mill-qawwiet Russi – ki ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-garanziji għas-sigurtà bil-għan li dawn jiffunzjonaw skont il-ħsieb kif ukoll fil-prattika.
Il-Mexxejja tal-Istati Ewropej, fl-istess ħin, laqgħu l-eżitu tal-laqgħat fost il-qbil li l-miżuri għall-għajnuna lill-Ukrajna għandhom jinkludu ‘l-forza armata, l-għajnuna loġistika u relatata mas-servizzi sigrieti, flimkien ma’ azzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi’.
Sadanittant, l-istess Mexxejja, permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta, ipprovdew l-aktar pjan iddettaljat sallum rigward il-garanziji tas-sigurtà li huma lesti biex jipprovdu lil Volodymyr Zelensky u l-poplu tal-Ukrajna.
//= $special ?>

