Charles Azzopardi
Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali
u d-Delizzji
Aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista ressaq Mozzjoni biex ikunu salvagwardati l-interessi tas-sidien tal-artijiet u ta’ oħrajn bħal kaċċaturi u dawk li jaħdmu l-logħob tan-nar b’reazzjoni għall-ħruġ mill-Gvern tal-Avviż Legali Numru 150 li jitratta t-tfassil tar-Regolamenti dwar il-protezzjoni tal-Art Agrikola.
Fl-isfond tal-inizjattiva tal-PN tajjeb li wieħed jara x’jgħid l-Artikolu 320, Kapitlu 16 tal-Liġi Maltija – Kodiċi Ċivili: Il-proprjetà privata hija sagrosanta taħt il-Liġi. Tagħti lis-sid drittijiet legali fuq ir-riżorsa akkwistata. Tagħti lis-sid drittijiet legali fuq ir-riżorsa akkwistata. Dawn id-drittijiet huma appoġġjati u infurzati mill-protezzjoni tas-sistema legali u l-Liġi u l-ordni tal-Gvern.
Dan jagħti s-serħan tal-moħħ lis-sidien li l-assi tagħhom huma protetti legalment, u jippermettilhom (lil min għandu l-art), jużaw ir-riżorsi tagħhom kif jixtiequ mingħajr biża’.
U tajjeb li nagħmel riferenza wkoll għal dak li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kitbet fil-midja soċjali f’Lulju li għadda f’dan ir-rigward meta oġġezzjonat għall-Avviż Legali 150 maħruġ mill-Gvern.
Skont din l-Għaqda din l-emenda fil-Liġi se timponi obbligi fuq id-dritt tas-sidien li għandhom l-art rurali. Jiġifieri din il-Liġi kif iridha l-Gvern, minflok se tipproteġi lill-bdiewa u tħares lil dawk li għandhom u li jwettqu xi forma ta’ delizzju fuq l-art privata tagħhom se xxekkilhom u twaqqafhom milli jagħmlu dan. Jiġifieri milli jgawdu r-rikreazzjoni tagħhom fil-proprjetà tagħhom stess.
Daqshekk hija kontra d-dilettanti u dawk li għandhom xi passatemp fl-għalqa tagħhom stess.
Għandhom raġun is-sidien li għandhom art aggrikola li jinkwewtaw bi kbir fuq din il-Liġi u għandhom raġun il-kaċċaturi u n-nassaba li jinkwetaw. Għax issa ħareġ fid-deher li l-Avviz Legali 150 tal-Gvern tal-2025, irid jaffettwa ħafna lis-sidien kaċċaturi u nassaba, imma wkoll bosta familji oħrajn li għandu wkoll xi forma ta’ art agrikola.
Permezz ta’ dan l-Avviż Legali, il-Gvern m’għandu l-ebda skop li jħares it-tradizzjonijiet tagħna, anzi qiegħed jagħmilha diffiċli lil min irid ikompli jagħmel dan bħalma għamel sa minn ċkunitu.
Din mhix Liġi li tħares lill-komunitajiet tagħna. Din hija Liġi li jekk il-Gvern ikompli jwebbes rasu kif kapaċi jagħmel u jivvota kontra l-emenda tal-Oppożizzjoni, ikun qed jipperikola u jhedded.
Din il-Liġi li jrid jgħaddi l-Gvern ġiet ippubblikata mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mal-partijiet kollha kkonċernati. Il-Gvern ħareġ b’dawn l-emendi tal-Liġi taparsi Protezzjoni tal-Art Agrikola, mingħajr ma kkonsulta mal-FKNK u mal-Kunsill San Umbetu (KSU)).
Mhux ta’ xejn li l-Gvern fil-qari tal-Baġit iddedikat biss tliet sentenzi ta’ malajr u qosra dwar id-delizzji. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern lanqas lissen kelma waħda dwar id-dritt li tista’ tgawdi d-delizzju tiegħek mingħajr xkiel u mingħajr biża’. Nesa l-Gvern li l-bdiewa u raħħala huma l-gwardjani tal-ikel frisk, il-gwardjani tal-art tagħna u b’hekk il-gwardjani ta’ saħħitna.
B’din il-Liġi il-Gvern qiegħed ikompli jagħti d-daqqa tal-mewt lid-delizzji u jostakola lil min għadu b’ħafna biża’ jgawdi ftit ħin liberu f’naqra ta’ dura f’għalqa. Din il-Liġi sejra taħdem kontra min ħadem ħajtu kollha bħala bidwi full time u li issa li waqaf, milli jkabbar il-prodott agrikolu, qiegħed igawdi l-art tiegħu mal-familja tiegħu. Suppost fil-kwiet, biex iqatta’ l-aħħar ftit snin tal-pensjoni kif irid hu.
X’qegħda titlob l-Oppożizzjoni, bl-emenda tagħha għall-Avviż Legali 150? L-Oppożizzjoni bis-sħiħ temmen li din il-Liġi tmur kontra l-prinċipju fundamentali tat-tgawdija tal-proprjetà privata. Hawnhekk il-Gvern qiegħed jinterferixxi u jimmina b’mod sinifikanti d-dritt fundamentali għall-użu tal-art.
Permezz ta’ din il-Liġi l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta se jkollha poteri eċċessivi li takwista l-pussess temporanju tal-art biex din titqassam lil terzi.
L-Oppożizzjoni permezz tal-Emenda tagħha temmen li għandha tiġi ssalvagwarjatha l-prattika ta’ delizzji tradizzjonali Maltin u li l-art agrikola wżata għal xi forma ta’ delizzju jew ieħor ma tapplikax u ma tobbligax lis-sid biex jaħratha.
L-Oppożizzjon trid li nissalvagwardjaw l-interessi tal-bdiewa kollha tagħna u nkunu fuq in-naħa tagħhom. Irridu li waqt li l-bdiewa jagħrfu l-obbligi tagħhom skont il-Liġi dawn ma jkunux esposti għal ħlas, multi, miżati u spejjeż oħra żejda mingħajr bżonn.
L-Oppożizzjoni trid li ma jkunx il-Gvern stess li jippreġudika jew itellef mid-drittijiet u libertajiet tal-bdiewa jew tas-sidien tal-art li sal-lum il-ġurnata jixraqilhom igawdu l-ispazju tagħhom li jagħtihom ħajja aħjar ta’ kwalità.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

