Toni Bezzina
Shadow Minister
għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd
Permezz ta’ dan l-Avviż Legali 150 bla konsultazzjoni ma’ ħadd, il-Gvern qed jintroduċi regolamenti ġodda li minflok ma jagħmlu l-ġid, spiċċaw se jagħmlu aktar ħsara.
Dan l-Avviż Legali 150 messu kellu l-għan li jipproteġi l-art agrikola li minnha jibbenefika s-settur agrikolu, iżda dawn ir-regolamenti ġew ippubblikati mingħajr l-ebda konsultazzjoni la mal-Oppożizzjoni, la mas-sidien jew mal-possessuri legali tal-art agrikola, u anqas ma’ diversi għaqdiet u istituzzjonijiet, fosthom il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK), il-Kaċċaturi San Umbertu, il-Kamra tal-Avukati, il-Kunsill Notarili u d-dilettanti pirotekniċi.
Fil-fatt kienu diversi l-organizzazzjonijiet li ħarġu stqarrijiet pubbliċi jikkritikaw lill-Gvern talli naqas milli jikkonsulta magħhom qabel il-ħruġ ta’ dawn ir-regolamenti.
Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti
Wieħed jista’ jsemmi l-istqarrija tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK), maħruġa fit-30 ta’ Lulju 2025, li fiha l-Federazzjoni esprimiet id-diżappunt assolut tagħha għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Ministru responsabbli fil-proċess tat-tfassil tar-regolamenti.
Dawn ir-regolamenti, fil-fehma tal-FKNK, jistgħu jimponu obbligi fuq id-dritt liberu tal-pussess tas-sidien ta’ art rurali, jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lil diversi kaċċaturi u nassaba li diġà kienu qed igawdu l-attivitajiet tradizzjonali tagħhom tal-kaċċa u n-nasba, u jagħtu s-setgħa lil Riżorsi Agrikoli Malta biex takkwista pussess temporanju tal-art u tallokaha lil ħaddieħor.
Dawn l-organizzazzjonijiet iddeskrivew tali miżuri bħala azzjoni antidemokratika, u qajmu tħassib dwar il-prinċipju li l-proprjetà privata hija sagrosanta quddiem il-Liġi.
Il-Kamra tal-Avukati
Anki l-Kamra tal-Avukati enfasizzat li permezz ta’ dawn ir-regolamenti, kien hemm nuqqas ta’ skrutinju parlamentari, peress li l-Gvern mexa b’Avviż Legali mingħajr ma ressaq Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament, u b’hekk inħoloq mekkaniżmu li jista’ jippermetti lill-Istat jagħmel pussess temporanju fuq art privata.
Il-Kamra tal-Avukati osservat ukoll li l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta ngħatat is-setgħa li, mingħajr l-ebda trasparenza, tgħaddi art agrikola lil terzi, kif ukoll li ma saret ebda konsultazzjoni pubblika, u li dan kollu ħoloq inċertezzi kbar fil-qasam tal-proprjetà rurali.
ll-Kunsill Notarili
Min-naħa tiegħu l-Kunsill Notarili wera tħassib serju dwar il-ħruġ tal-Avviż Legali 150 tal-2025 u esprima l-fehma li dawn ir-regolamenti jmorru kontra l-prinċipju tat-tgawdija tal-proprjetà privata.
Dawn ir-regolamenti jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv ukoll lid-dilettanti pirotekniċi, speċjalment fir-rigward tal-ħruq tan-nar artifiċjali waqt il-festi tal-irħula, peress li skont dawn ir-regolamenti ma tista’ ssir l-ebda attività li trendi l-ħamrija mhux adattata għall-użu agrikolu, anke b’mod temporanju għal perjodu limitat ta’ żmien.
Dan jolqot ukoll prattiċi li ilhom isiru għal snin twal, fejn persuni li għandhom liċenzja jużaw għal perjodi limitati għelieqi pubbliċi li jkunu fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet, wara li jinkisbu l-permessi kollha meħtieġa.
Kollox juri li l-Gvern baqa’ jopponi b’mod sieket il-prattika tad-delizzji tradizzjonali u kulturali tal-kaċċa, insib u l-ħruq tan-nar, kif ukoll il-pussess paċifiku tal-art privata. Il-Gvern, minflok jammetti l-iżball tiegħu, qed jipprova jagħti l-impressjoni li dak li hemm miktub fl-Avviż Legali ma japplikax għal kaċċaturi, nassaba u pirotekniċi.
Minkejja dan kollu, f’podcast li nħareġ ftit jiem wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali, il-Ministru Anton Refalo kien ċaħad pubblikament il-kontenut tiegħu stess, bħallikieku kelmtu setgħet tħassar dak li kien miktub fl-Att Legali.
F’dan il-kuntest, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, filwaqt li tibqa’ favur il-ħarsien tal-art agrikola bħala interess pubbliku, temmen li għandu jinstab bilanċ ġust mal-prinċipju tat-tgawdija tal-proprjetà privata sancit fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Kien għalhekk l-Oppożizzjoni ddeċidiet li tressaq Mozzjoni biex isiru tliet emendi prinċipali fl-Avviż Legali 150 tal-2025, bl-għan li jiġu indirizzati oqsma li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali tas-sidien, li jinnewtralizzaw setgħat eċċessivi mogħtija lill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta, u li jiġu mħarsa l-prattiċi tradizzjonali u kulturali Maltin bħall-kaċċa, l-insib u l-piroteknika.
L-Oppożizzjoni tisħaq li l-protezzjoni tal-art agrikola għandha tiġi bbilanċjata ma’ eżenzjonijiet għal użi tradizzjonali u kulturali f’każijiet speċifiċi.
Inħarsu t-tgawdija tal-proprjetà privata
Bis-saħħa tal-emendi li qed iressaq il-PN fil-Parlament, irid li jkun qed tiġi salvagwardata t-tgawdija tal-proprjetà privata, tiġi evitata l-possibbiltà ta’ abbuż mill-poter tal-Istat fil-konfront tal-art privata, u tiġi protetta l-prattika tad-delizzji tradizzjonali, u li l-PN qed jagħmel dak li suppost għamel il-Gvern mill-bidu – li jisma’, jikkonsulta u jiddefendi d-drittijiet tan-nies.
Il-PN ikompli jisħaq u jappella lill-Gvern biex b’mod matur jipproteġi l-art agrikola, u dan isir b’rispett sħiħ lejn dawk kollha li jipprattikaw id-delizzji tradizzjonali u kulturali tal-kaċċa, insib u ħruq ta’ xogħol pirotekniku, fosthom il-bdiewa u r-raħħala, li wara jiem u xhur ta’ xogħol bla heda, minn sbieħ il-jum sa ma jidlam, għandhom dritt jipprattikaw id-delizzju tagħhom ukoll.
Għandhom għalhekk jitneħħew il-poteri eċċessivi li b’dan l-Avviż Legali ser ikunu ngħataw lill-Gvern li jaħtaf art privata ta’ sidien ta’ art rurali u jagħtiha lil ħaddieħor mingħajr ma jkun jaf is-sid tal-art innifsu.
Għandu jinstab bilanċ ġust bejn il-ħarsien ta’ art agrikola u t-tgawdija ta’ art privata.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

