Opinjoni

Opinjoni: Kif issir il-politika

Luigi Sturzo

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Illum nagħlqu s-seduti parlamentari f’din s-sena twila warajna. Iktar li minn Settembru sa issa kellna diversi tibdiliet. Proposti leġiżattivi varji. Bidu f’direzzjoni partikolari u tmiem b’oħra kompletament differenti. Tlaqna taħt il-ħsieb li kienu ser isiru varji emendi fi spirtu ta’ konfrontazzjoni. Ġejna minflok lejn iktar konverġenza u għarfien li l-politika trid iktar sens u sustanza milli diskors inutli. Għalija forsi tama ta’ maturità politika. Dik li tħares lejn iktar serjetà u ideat f’dinja li fiha x-xenarji qed jinbidlu b’ritmu aqwa. Fejn dak li kellna f’rasna bħala stabbli issa qed nsibuh dak li ma tistax tiddependi minnu. Fejn it-tradizzjonijiet fil-valuri sodi tal-onestà, tal-lealtà u l-verità qed jonqsu, jistennew fil-fatt sabiex jiġu lura.

Politika tas-serjetà
Nagħraf f’dan aktar li fl-esperjenza politika li b’xi mod akkumulajt volontarjament jew le li s-serjetà hija dik li l-bnedmin ifittxu. Għandna soċjetà mimlija b’maggoranza ta’ bnedmin li għandhom ir-rieda tajba. Dawk li jibqgħu jittamaw fis-sewwa u li l-Istat Demokratiku tagħhom jitmexxa f’din it-triq. Dawk li jaħdmu u jittamaw li qed jiġu mmexxija minn min jaf x’inhuwa jwettaq. Jittamaw li l-affarijiet qed jsiru b’passi biex tinbena soċjetà aħjar milli għandna. Jistgħu wħud għal ftit ħin jiggustaw bħalma jagħmlu mat-tfal xi ħmerija. Jistgħu wkoll iħarsu lejn l-apparenzi u l-paraventi li qed jakkumpanjawna. Imma fil-verità jfittxu dejjem iktar li l-affarijiet isiru sewwa u li jaraw il-politika tas-serjetà titwettaq.

Politika nieqsa mill-passjoni
Il-politika titlob ħafna raġuni, loġika fuq kollox l-użu razzjonali tal-ideat u tal-imġiba sħiħa. Imma l-poplu jippretendi li dawn ikunu akkumpanjati b’dożi ta’ passjoni li hija waħda umana mimlija demm u laħam mhux silġ. Dożi ta’ determinazzjoni u direzzjoni fejn dak li jingħad jkun qiegħed jitqiegħed fil-kuntest ta’ programm ta’ riforma. Programm ta’ ideat immarkati sabiex wieħed jifhem li min qed iressaqhom qed jagħmel dan mhux għax jaqbillu, inkella għax hekk jaħseb li l-oħrajn jarawh sabiħ imma għax jemmen verament fihom. Il-bnedmin f’dawn l-gżejjer tgħallmu jifirdu l-kategoriji varji fil-klassi politika. Jafu min huwa ġenwin u min ma huwiex. Ifittxu dejjem iktar dak il-melħ politiku fil-moħħ u fil-qalb tal-politika. Ma għandhomx bżonn demaġoġija, iridu biss ideat veri, serji fejn hemm ġlieda li ssir bl-imħabba li l-impenn veru lejn il-proxxmu jieħdu. Fid-dawl ta’ dak li kien kiteb il-ġenju politiku Luigi Sturzo (1871-1959) “Servire non servirsi. La prima regola del buon politico.”(Li sservi mħux tisserva. Din hija l-ewwel regola tal-politiku t-tajjeb.)

Politika tal-imitazzjonijiet
F’dan aktar hemm dawk li jagħrfu jifirdu l-politiċi minn dawk li jirrepetu dak li wettqu ta’ qabilhom u dawk le. Dawk li kapaċi jagħrfu li l-politiku ser isib sfidi ġodda li jrid jikkunsidra fid-dawl partikolari tagħhom u dawk li jibqgħu jaħsbu li kollox ser jibqa’ l-istess. Hemm dawk li joqogħdu pass lura, dawk li ma jafux u dawk li jibqgħu bla direzzjoni tagħhom salv dak li tawhom oħrajn qabilhom. Imma l-poplu jfittex dawk li għandhom l-ideat tagħhom. Dawk li jridu jsibu soluzzjonijiet tal-lum għas-sitwazzjoni preżenti. Dawk li diversi drabi jistaqsu x’qiegħed isir differenti minn dak li sar qabel. Dawk li ma jippretendux rivoluzzjonijiet imma minflok li jsiru passi oħra l-ewwel lejn iktar ġustizzja soċjali ma’ dawk li għal xi raġuni jinsabu ’l isfel u t-tieni li titfassal viżjoni kostanti tas-soċjetà li qed inħarsu li nibnu u jkollna.

Politika tal-ordni
F’dan aktar fis-serjetà, fl-originalità, u f’politika umana hemm sejħa kostanti sabiex fis-soċjetà tirrenja l-ordni. Fejn l-affarijiet isiru kif għandhom fid-dawl tal-ġustizzja, tar-rispett lejn il-libertà u fl-għarfien li kull persuna huwa ugwali. Ugwaljanza fid-drittijiet u d-dmirijiet mingħajr privileġġi jew impunitajiet. Kull bniedem fl-Istat Demokratiku tagħna jrid li jitmexxa sewwa b’dan li l-affarijiet ikunu hekk regolati. Isiru kif għandu jkun fl-interess ta’ kull persuna lejn il-ġid komuni. Illum f’dan aktar minn qabel hawn sejħa għall-ordni demokratiku fis-sħiħ tiegħu. Ma’ kull jum fil-konfużjoni li wieħed jidentifika, fin-nuqqasijiet li wieħed imiss magħhom hemm talba sabiex niġu għal forom siewja ta’ normalità. Il-pożizzjoni mhix faċli u diversi għandhom s-sens li l-affarijiet ħarġu mill-idejn. Sija minħabba deċiżjonijiet tal-passat reċenti kif ukoll minħabba l-inabbiltà li wied jsolvi dak li attwalment ġieb fuqu.

Politika li tfittex bidla
F’dan aktar niftakar fl-istorja u f’dawk il-mumenti li l-bnedmin sabu ruħhom fihom. Dawk li wieħed jrid ikun attent fihom. Dawk li għandhom l-isfidi tagħhom ferm aktar kumplikati mill-oħrajn. Fejn il-bnedmin fil-politika jridu jkunu aktar preparati. Fejn iridu jifhmu li dak li jridu jaffrontaw huwa ferm ikbar minnhom. Fejn jiftakru kemm l-umiltà mhux biss hija gwida imma element essenzjali sabiex tifhem kemm tista’ l-pożizzjoni u x’għandek għad-diżpożizzjoni tiegħek biex issolviha. Fejn fuq kollox f’dan issib ruħek f’dawk il-mumenti li jew jinkurunaw inkella jiddemolixxu però fil-fatt xorta jgħallmu. Imexxuk sabiex tagħraf il-bidla li trid issir verament u mhux dak li stajt ħsibt li hija.

Politika mġedda
F’dan nifhem li jista’ jkun hemm min joġġezzjona għal din il-linja ta’ ħsieb. Jista’ jkun hemm min jiddejjaq li tmisslu l-kuxjenza forsi rieqda inkella li tressaq alternattiva għal dak li huwa għaddej. Kif jgħidu llum, napprezza l-punt, imma ma narax li huwa dmiri li nibqa’ nħalli kollox għaddej. Iktar u iktar f’mod stramba li flok tibni bilanċ bejn sustanza u immagini trid tiddependi biss fuq tat-tieni. Illum iktar mill-bieraħ hemm sejħa fil-poplu sabiex ikollna aktar serjetà, aktar attenzjoni u bnedmin eletti għall-bnedmin. Waqt li nħares lura lejn dak kollu li seħħ nista’ biss niddikjara mill-ġdid li l-politika vera hija neċessità naturali għalina lkoll u għalhekk titlob ħidma kollettiva, għax ma tistax taħrabha. Waqt li nħares lejn dak li għadda pajjiżna minnu, dak li għadda l-partit li nimmilta fih nista’ biss inkun aktar konvint mill-pożizzjoni tiegħi. Proprju quddiem il-fatt li għaddiet sena oħra li tinsab warajna nittama li jkun hemm min jifhem u jibdel għax il-politika hija minnha nnifisha serjetà.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta  16  ta’ Diċembru, 2025.